Kien hemm żvolta ġdida fil-kwistjoni tat-tanker bil-ħażna tal-gass fil-Bajja ta’ Marsaxlokk. Matul il-kwistjoni kollha, Joseph Muscat kien jgħid li skont pariri li kellu, tanker fil-Bajja ta’ Marsaxlokk kien joffri aktar sigurtà milli barra l-Bajja. Dan kontra dak li sostnew l-Oppożizzjoni Nazzjonalista, numru kbir ta’ NGOs ambjentali u numru ta’ esperti f’dan il-qasam, fosthom Hans Pasman, li kollha wissew dwar il-periklu għar-residenti tan-naħa ta’ isfel ta’ Malta.
Fl-eqqel ta’ din il-kwsitjoni, Muscat kien qal li pariri interni li għandu juru li l-option li kien għażel il-Gvern kienet “the safest option” minħabba t-traffiku fil-baħar tagħna u l-kurrenti li jista’ jkun hemm. Madankollu, issa qed jirriżulta li fl-istess ħin li Muscat kien qed jisħaq fuq il-perikli jekk it-tanker jitpoġġa barra l-Bajja, fi Brussell il-Ministru tal-Finanzi tiegħu kien qed jgħid il-kontra.
Hu kien qed jimbotta għal faċilità li tkun ‘il barra mill-Bajja ta’ Marsaxlokk. Rapport f’The Times of Malta juri biċ-ċar li fl-istess nifs li Muscat kien qed jgħid li l-pariri kollha li ngħatawlu kienu li t-tanker għandu jkun ankrat fil-Bajja, Edward Scicluna kien Brussell jiġġieled għal fondi Ewropej għal floating storage u regassification unit li jkun ankrat 12km ‘l barra mill-Bajja ta’ Marsaxlokk.
The Times of Malta fakkar ukoll li d-dikjarazzjonijiet ta’ Muscat dwar dak li sejjaħ bħala perikli jekk it-tanker ikun barra l-Bajja saru wkoll mill-Electrogas, filwaqt li fl-eqqel ta’ din il-kontroversja kien żvelat ukoll li l-Enemalata kienet irrifjutat offerta biex il-faċilità titpoġġa madwar 100km ‘l bogħod minn Delimara.
Sadanittant, mal-istess ġurnal, il-Ministru għall-Enerġija ddefenda d-deċiżjoni tal-Gvern li jiffirma bil-moħbi u fil-magħluq il-kuntratt tal-Power Station. Minkejja li dan hu kuntratt ta’ €400 miljun, dwaru ma saret l-ebda konferenza tal-aħbarijiet, kuntrarju għal dak li għamel il-Prim Ministru Muscat meta ndirizza konferenza tal-aħbarijiet f’Kastilja biex iħabbar roħs ta’ 2ċ fil-prezz tal-petrol.
Kelliema għall-Ministru Konrad Mizzi qalet li ma “kienx prattiku” li jitlaqqgħu l-imsieħba kollha nvoluti fl-iffirmar ta’ dan il-kuntratt fl-istess ħin. Minkejja li l-ftehim ġie ffirmat fil-magħluq u mingħajr il-preżenza tal-media, il-kelliema tal-Ministeru tal-Enerġija qalet li l-Enemalta kienet trasparenti matul il-proċess kollu.
Jumejn ilu, fil-programm Reporter fuq ix-xandir tal-istat, f’temp ta’ ftit sekondi Muscat l-ewwel qal li l-kuntratt għad irid jiġi ffirmat, imbagħad biddel il-verżjoni u qal li l-kuntratt kien iffirmat iżda għad irid jiġi pubblikat. Madankollu, minkejja diversi appelli, s’issa l-kuntratt għadu ma ġiex ippubblikat.
//= $special ?>

