Elezzjoni Parlament Ewropew 2014 Lokali

Filmat: Muscat: Qed inwettqu mija fil-mija … iżda elezzjonijiet għat-telgħa

Il-Mexxej Laburista Joseph Muscat jibda d-diskors tiegħu f’Marasxlokk billi jiddikjara li l-Gvern Laburista qed imur b’wiċċu minn quddiem, quddiem l-elettorat għaliex qed iwettaq mija fil-mija tal-wegħdi elettorali tiegħu iżda fi tmiem l-istess diskors isostni li dawn l-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew huma elezzjonijiet għat-telgħa għall-Partit Laburista.

F’Marsaxklokk, lill-partitarji Laburisti Muscat kellimhom dwar il-power station, is-saħħa, is-sajd, it-trade unions, l-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew u ċ-ċittadinanza.

Muscat beda d-diskors tiegħu b’dikjarazzjoni dwar il-wegħdi elettorali. Wara li semma dak li qed iwettaq il-gvern Laburista, Joseph Muscat iddikjara wkoll li din hi elezzjoni għat-telgħa.

Propju ftit metri bogħod minn fejn se jankra t-tanker tal-gass fil-Port ta’ Marsaxlokk, Muscat rrifera biss b’sentenza waħda għal dan it-tanker u lix-Xlukkajri qallhom li meta jitlesta l-pipline, il-vapur isalpa.

Dwar l-użu tal-heavy fuel oil, li l-Gvern Laburista se jkun qed jibqa’ juża għall-power station, Muscat qal li l-heavy fuel oil jikkaġuna l-ażma u mard ieħor, fosthom miljun tunnellata ta’ trabijiet fl-arja fis-sena.

Propju ftit ġranet wara li l-Kap tal-Oppożizzjoni fiż-Żurieq insista mal-gvern li jlaqqa’ l-Kumitat ta’ Analiżi dwar il-persuni li qed jixtru ċ-ċittadinanza, il-Prim Ministru jsostni li Simon Busuttil mhux jitkellem iktar dwar l-iskema taċ-ċittadinanza.

Dwar l-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew, il-Prim Ministru baqa’ jappella lill-partitarji Laburisti biex joħorġu jivvutaw fl-elezzjonijiet li ġejjin u ppreveda li anki jekk il-Partit Laburista jikseb vantaġġ ta’ 36,000 vot, ir-riżultat se jkun tliet kandidati għall-Partit Laburista u tlieta għall-Partit Nazzjonalista. Dan għaliex, sostna Muscat, hu jaf jagħmel il-matematika.