Lokali

Reazzjoni negattiva minn numru ta’ operaturi li kienu nteressati jitfgħu l-offerta għall-bendy buses

Il-ftehim li laħaq il-Gvern u li permezz tiegħu l-bendy buses issa mhux se jkunu esportati kif stipulat fil-kuntratt, iżda se jibqgħu f’Malta biex jinbiegħu għall-iscrap, qanqlet reazzjoni negattiva minn numru ta’ operaturi li ma’ The Times of Malta ammettew li kienu nteressati jitfgħu offerta huma wkoll għal dan l-istess kuntratt.

Dawn l-operaturi huma urtati aktar u aktar wara li ħarġet l-ammissjoni fil-Parlament, minn fomm il-Ministru Joe Mizzi, li l-kumpanija li ngħatat il-kuntratt se tingħata skont ta’ 25% fil-prezz li trid tħallas għall-81 Bendy Bus, jekk minflok tesportahom lejn is-Sudan, tiskreppjahom. L-esportazzjoni ta’ dawn il-karozzi tal-linja, li kienu ngiebu f’Malta mill-kumpanija Arriva, kienet waħda mill-kundizzjonijiet li Transport Malta għamlet meta ħarġet l-espressjoni tal-intress, li kienet tispeċifika wkoll li kellhom jiġu epsortati minn Malta fi żmien erba’ ġimgħat minn meta l-operatur jieħu l-offerta.

Minflok, iżda, dawn il-vetturi issa spiċċaw f’dak li jiġi desrkitt bħala Scrap Yard miftuh fl-inħawi taż-Żwejt f’San Ġwann, propjetà ta’ min xtrahom mingħand il-Gvern. Hemm, il-vetturi qed jiġu żarmati u jinbiegħu għall-parts. Id-dettalji kollha ħargu ftit ftit f’diversi tweġibiet għal Mistoqsijiet Parlamentari li ngħataw mill-Ministru responsabbli mit-Trasport mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni Toni Bezzina.

Issa li l-bendy buses se jintużaw għall-iscrap minflok jiġu esportati, il-kumpanija li rebħet l-offerta se tħallas €460,000 minflok is-€600,000 kif inizjalment miftiehem. Għall-kumpaniji li kienu nteressati li jikkompetu u li tkellmu ma’ The Times, dan hu ksur ċar tal-kuntratt u l-kundizzjonijiet li kien fih, b’uħud minnhom jikkumentaw li b’mod inġust il-Gvern ċaqlaq il-lasti wara li kollox kien konkluż u deċiż.

Kull min issottometta l-offerta tiegħu u min kien interessat iressaq offerta kellu jirrispetta l-kundizzjonijiet tal-kuntratt, sostnew mal-ġurnal. Iżda issa qed jirriżulta li l-Gvern għamel minn kollox biex jakkomoda lill-kumpanija li rebħet l-offerta u dan mhux aċċettabbli. Huma appellaw lill-Gvern biex jerġa’ joħroġ offerta ġdida.