SEVILLA………….0
BENFICA…………0
(Sevilla jirbħu 4-2 bil-penalties)
Sevilla – Beto, Fazio, Daniel Carrico, Moreno, Pareja, Coke, Mbia, Rakitic, Vitolo (Figueiras 110′), Bacca, Reyes (Marin 78′) (Gameiro 104′)
Benfica – Oblak, Luisao, Maxi Pereira, Siqueira (Oscar Cardozo 99′ ), Garay, Ruben Amorim, Sulejmani (Andre Almeida 25′), Gaitan (Ivan Cavaleiro 119′), Andre Gomes, Lima, Rodrigo
Ammonti – Fazio 11′ (S), Moreno 13′ (S), Siqueira 30′ (B), Coke 98′ (S), André Almeida 100′ (B)
Referee – Felix Brych (ĠER)
Sevilla rebħu l-Europa League meta fil-finali fil-Juventus Stadium f’Turin għelbu lil Benfica 4-2 bl-għoti tal-penalties wara li l-logħba intemmet fi draw ta’ mingħajr gowls. Wieħed jista’ jgħid li Benfica kienu kemmxejn aħjar mill-avversarji tagħhom. Għal Benfica din kienet id-disa’ finali Ewropea mitlufa u jidher li l-magħmul tal-eks kowċ Bela Guttman’ mhux se jħalli lill-Portugiżi bi kwiethom. Sevilla ingħaqdu ma’ Liverpool, Inter u Juventus bħala l-aktar tim li qatt rebaħ din il-kompetizzjoni għal total ta’ tliet darbiet. Għal Benfica din kienet it-tieni sena konsekuttiva li tilfu fil-finali tal-Europa League wara li staġun ilu tilfuha kontra Chelsea.
Ta min jinnota li din kienet l-ewwel darba sa minn meta bdiet tintlagħab l-Europa League li l-finali ġiet deċiża bl-għoti tal-penalties filwaqt li fil-passat ħamsa kienu l-okkażjonijiet fejn ir-rebbieħ tal-UEFA Cup, kif kienet magħrufa, ġiet deċiża fil-penalties.
Benfica kienu mingħajr Lazar Markovic wara li l-UEFA ma laqatx l-appell li ressaq it-tim dwar is-sospensjoni tal-player. Il-player Serb kien tkeċċa fis-semi finali kontra Juventus u Benfica appellaw minn din id-deċiżjoni iżda l-UEFA ma laqatx dan l-appell. Benfica kienu wkoll mingħajr Enzo Perez u Eduardo do Slavio li wkoll kienu sospiżi. Minn naħa tagħhom Seville kellhom lil Jairo Sampeiro sospiż. Fost diversi persuni magħrufa fid-dinja tal-futbol preżenti fil-grawnd kien hemm l-eks manager ta’ Man Utd Alex Ferguson flimkien mal-kowċ ta’ Juventus Antonio Conte.
L-ewwel taqsima kienet waħda bilanċjata u l-ewwel ċans denju ta’ nota wasal wara 14-il minuta meta l-goalkeeper ta’ Sevilla Beto salva tentattiv ta’ Garay.
Minuta wara, minn azzjoni ta’ corner, id-difensuri ta’ Sevilla ikklirjaw corner u mir-rebound Amorim ta’ Benfica ra x-xutt tiegħu jmur ftit għoli. Ir-risposta ta’ Sevilla waslet fit-37 minuta meta Moreno dar tajjeb mad-difensur Luisao imma x-xutt bid-dawra tiegħu kien salvat faċilment minn Oblak.
Eżatt qabel tmiem l-ewwel taqsima Beto għamel save kbir fuq Maxi Pereira biex b’hekk it-timijiet daħlu jistrieħu bl-iskor ikun dak ta’ 0-0.
Minuta mill-bidu tat-tieni taqsima Benfica setgħu marru fil-vantaġġ imma Lima ra x-xutt tiegħu jkun ikklirjat minn difensur avversarju. Minuta wara kien hemm reazzjoni ta’ Sevilla meta Reyes ipprova xutt li mar barra wara li irċieva pass perfett mingħand Rakitic. Mas-siegħa logħob Seville kellhom ċans permezz ta’ Reyes imma għal darba oħra Oblak reġa’ kien strumentali u salva tajjeb. Fl-aħħar tmien minuti l-Portugiżi kellhom ċans meta Lima spara xutt li ġie imdawwar b’mod stupend f’corner minn Beto u dan kien l-aħħar ċans qabel ma beda l-ħin barrani. L-ewwel ċans għal Benfica fil-ħin barrani wasal minn free kick dirett ta’ Lima u żewġ minuti wara Sevilla fallew ċans kbir permezz ta’ Bacca li tefa’ l-ballun barra minn quddiem il-goalkeeper u l-logħba intemmet 0-0 u kellha tkun deċiża bil-penalties. Cardozo u Rodrigo ta’ Benfica raw il-penalties tagħhom ikunu salvati mill-goalkeeper Beto li bla dubju kien l-eroj tat-tim Spanjol. Għal Benfica din kienet l-ewwel darba li tilfu f’din il-kompetizzjoni dan l-istaġun u t-telfa waslet proprju fl-aktar logħba importanti.
//= $special ?>

