Elezzjoni Parlament Ewropew 2014 Lokali

Filmat: Simon Busuttil jappella lill-Gvern biex ma jkomplix jaħbi l-kuntratt ta’ €400 miljun tal-powerstation tal-gass

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil qed jappella lill-Gvern biex ikun trasparenti u ma jkomplix jaħbi l-kuntratt tal-powerstation il-ġdida tal-gass – kuntratt ta’ 400 miljun li qed iqajjem ħafna dubji.

Waqt intervista li saret fil-Kalkara mill-ġurnalist ta’ Newsbook Karl Wright, il-Kap tal-Oppożizzjoni sostna li dan hu ftehim li se jorbotna għal 18-il sena sħaħ.

Issa ħareġ biċ-ċar li l-ftehim ġie ffirmat f’kamra magħluqa, b’Simon Busuttil jgħid li dan hu sinjal li l-gvern għandu x’jaħbi.

Tqajjmet ukoll il-kwistjoni tat-tanker tal-gass, u għaliex huwa biss issa li l-Gvern qed jikkunsidra l-idea li jsir barra Marsaxlokk.

Dan kollu, sostna Simon Busuttil, juri li l-Gvern qed jagħmel l-impossibbli biex jixtri l-voti lejlet l-elezzjoni.

Simon Busuttil irrefera għall-artiklu tal-opinjonista Martin Scicluna li fit-Times of Malta saħaq li issa wasal il-mument li ngħaddu messaġġ ċar lill-Gvern. Il-Kap tal-Oppożizzjoni tkellem ukoll dwar iċ-ċifri allarmanti tal-qgħad, u l-mod kif fi kliem Simon Busuttil, tal-qalba qed ikomplu jiffangaw.

Fi tmiem l-intervista, il Kap tal-Partit Nazzjonalista sellem lin-nies taċ-ċivil li qed jiffaċjaw manuvri mill-gvern Laburista, b’Simon Busuttil jinsisti li l-Partit Nazzjonalista lest ikun tarka ta’ dawn il-ħaddiema li qed jiġu trattati b’mod ħażin.