Elezzjoni Parlament Ewropew 2014 Lokali

Tal-familja tal-Labour u tal-GWU jkomplu jiffangaw

Wara li fl-aħħar siegħat ġie żvelat li l-backbenchers tal-Partit Laburista qegħdin jieħdu €1 miljun bejniethom fuq medda ta’ ħames snin, il-Partit Nazzjonalista permezz ta’ stqarrija qal li qed juri kif anke uffiċjali u eks-uffiċjali tal-Partit Laburista u tal-General Workers Union qegħdin jiġu ppreferuti għaliex huma tal-qalba.

Qabel l-elezzjoni ġenerali li għaddiet, il-Partit Laburista wiegħed Malta Tagħna Lkoll. Iżda f’sena waħda biss ta’ Gvern Laburista, skont il-Partit Nazzjonalista, Malta saret għal tal-qalba biss fejn tal-famija u tal-qalba jiffangaw filwaqt li l-kumplament tal-poplu Malti jrid jikkuntenta b’2 cents.

Il-Partit Nazzjonalista qal li waqt li l-ammont ta’ żgħażagħ li mhumiex jaħdmu, jistudjaw jew jitħarrġu żdied għal 5,800 f’sena waħda biss, iż-żgħażagħ tal-qalba li kienu ma’ Joseph Muscat fil-Forum Żgħażagħ Laburisti ngħataw impjiegi, ħatriet fuq xi bord jew konsulenzi b’pagi kbar u perkaċċi lussużi.

Skont il-Partit Nazzjonalista, anke l-eks-uffiċjali tal-Partit Laburista qed jiffangaw, bħal Jason Micallef u Jimmy Magro, filwaqt li d-Deputat Mexxej Toni Abela qed jaqla’ eluf kbar ta’ Ewro minn konsulenzi mal-Gvern.

L-istess privileġġi qed japplikaw għall-uffiċjali u l-eks-uffiċjali tal-GWU, ittemm tgħid l-istqarrija tal-Partit Nazzjonalista.

Agħfas hawn biex taqra lista ta’ Ħatriet tal-Qalba tal-Partit Laburista u lista oħra ta’ Ħatriet Pubbliċi għal tal-Qalba