Lokali

Trailer bi propaganda Laburista pparkjat fi spazju ta’ sitt ‘parking bays’ barra l-Università

Għal darb’oħra l-Partit Laburista qed jinqeda b’istituzzjoni edukattiva biex iwassal propoganda partiġġjana bħala parti mill-kampanja elettorali tiegħu għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew tal-24 ta’ Mejju li ġej. Din id-darba kien imiss l-Università ta’ Malta li tispiċċa fil-mira tal-Gvern Laburista, hekk kif studenti li dalgħodu marru l-Università sabu quddiemhom trailer ipparkjat fid-daħla prinċipali tal-Università f’Tal-Qroqq, miksi b’messaġġi politiċi tal-Partit Laburista. It-trailer qed jieħu spazju ta’ parkeġġ għal sitt karozzi.

Il-Partit Laburista qed jagħmel użu minn dan it-trailer kbir, li jwassal messaġġi politiċi u armat bi screens kbar li juru filmati tal-kampanja elettorali Laburista għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew. Dan l-istess trailer kien tpoġġa eżatt barra l-Kampus tal-MCAST f’Raħal Ġdid nhar l-Erbgħa li għadda u kien juri l-ħin kollu filmati ta’ Joseph Muscat jitkellem dwar dak li għamel il-Gvern f’oqsma differenti.

Dan it-trailer kien biss parti minn bumbardament ta’ propaganda fl-MCAST, hekk kif posters tal-Partit Laburista kienu twaħħlu mal-Kulleġġ kollu, inkluż mal-ħġieġ tat-twieqi tal-klassijiet u ma’ arbli tad-dawl fuq il-Kampus. Dan kien wassal biex l-amministrazzjoni tal-Kulleġġ kienet kostretta toħroġ stqarrija, li fiha tenniet li politika partiġġjana mhix permessa fil-Kulleġġ. Għalhekk ħadet passi biex tneħħew il-posters kollha minn madwar il-Kulleġġ, filwaqt li ttieħdu miżuri biex ikun żgurat li dan il-każ ma jirrepetix ruħu.

Barra minnhekk, fl-aħħar jiem, MaltaRightNow.com irċieva diversi rapporti minn ġenituri u studenti li kienu qed jagħmlu l-eżamijiet tal-MATSEC. Jirriżulta li vettura oħra tal-Partit Laburista, din id-darba coach, qed titpoġġa wkoll b’mod strateġiku quddiem l-iskejjel fejn ikunu qed isiru l-eżamijiet tal-O’Levels u l-A’Levels. Jumejn ilu, l-istess vettura kienet ipparkjata wkoll għal diversi sigħat quddiem iċ-ċentru tal-eżamijiet f’Sant Jiermu fil-Belt. F’dan il-każ, jidher li kienet ipparkjata wrong way u fuq bus stop li suppost fuqha wieħed ma jistax jipparkja għax jintuża’ mill-karozzi tal-linja tar-rotta.