Turist Ġermaniż ta’ 55 sena miet fil-post wara li waqa’ minn għoli ta’ ħames sulari mill-gallarija tal-lukanda Bayview, fi Triq ix-Xatt fil-Gżira, tard ilbieraħ filgħaxija. Il-każ seħħ għall-ħabta tal-10pm meta xi persuni semgħu ħoss u raw il-katavru ta’ Michael Volk mixħut fuq il-bankina, f’dak li s’issa qed jitqies bħala inċident traġiku.
Volk kien ilu f’pajjiżna sitt ijiem għal btala flimkien ma’ martu, li skont rapporti fil-ħin tal-inċident kienet qed tiekol flimkien ma’ xi ħbieb tagħha fir-ristorant tal-lukanda. Dan jindika li fil-ħin tal-inċident, il-vittma kien waħdu fil-kamra.
Martu qalet lill-Pulizija li Volk la kien jixrob u lanqas kien qed jieħu xi medikazzjoni. Min-naħa tagħha, il-Pulizija qalet li l-barrani waqa’ mill-gallarija tal-kamra li kera f’din il-lukanda għal waqt il-vakanza tiegħu f’Malta. Fi stqarrija ntqal ukoll li s’issa għadu mhux ċar kif seħħ il-każ.
Fil-post marru membri tar-Rapid Intervention Unit tal-Pulizija kif ukoll ukoll karozza tal-mejtin, li ħadet il-gisem bla ħajja tal-Ġermaniż lejn l-Isptar Mater Dei. Matul il-jum mistennija ssir l-awtopsa fuq il-katavru tar-raġel, filwaqt li dwar il-każ għaddejja inkjesta maġisterjali.
//= $special ?>

