Lokali Qorti

Il-Professur Zammit jgħid li huwa għaraf lill-akkużat minn għajnejh, imnieħru u l-mixja

Il-Professur Anthony Zammit, l-aħħar xhud tal-Prosekuzzjoni qal li huwa għaraf lill-akkużat Kenneth Ellul minn għajnejh u minn imnieħru u għarfu wkoll mill-fatt li meta dan jeċita ruħu jibda jitkellem bl-esse. Qal ukoll li kellu mixja partikolari.

Il-Professur Zammit qal li bejn l-2008 u l-2013 kien Membru Parlamentari Laburista u qal li bħala Professur u Kirurgu jaf jannalizza l-persuna u hekk għamel fil-konfront tal-akkużat, li minkejja li kien liebes maskra tal-karnival irnexxielu jara l-kulur ta’ għajnejh u l-fiżjonomija ta’ mnieħru.

L-eks Deputat Laburista qal li huwa qal ukoll li fost l-affarijiet li serqulu kien hemm biċċa fidda ta’ żmien il-Granmastru Pinto, li kienet propjetà ta’ ommu li tiswa’ ‘l fuq minn €8,000, ċurkett tal-brillanti li jiswa’ mat-€13,000, €1,066 li kien se jiddepożita, flus li kellu fil-kartiera, madwar €250 u xi arloġġi li b’kollox jiswew €35,000. Serqulu wkoll roll tar-ramm sentimentali li jiswa’ €3,000.

Huwa spjega dak li għadda minn għalih għal madwar sagħtejn sħaħ fejn tenna li tliet irġiel sawwtuh bla ħniena u heddewh li kienu se joqtluh. Ftit qabel ma kien se jixhed il-vittma, l-Avukat Lara Lanfranco għamlet talba lill-Qorti biex ix-xhieda tal-Professur Anthony Zammit tinstema’ bil-magħluq għax fiż-żmien li seħħ l-inċident huwa kien Membru Parlamentari u li meta ġara l-każ kien hemm min għadda kummenti mhux xierqa.

L-Imħallef Quintano oġġezzjona għal din it-talba li għamlet il-Prosekuzzjoni u għat-tieni darba ċaħad talba oħra f’dan il-ġuri fejn l-ewwel darba l-istess Prosekuzzjoni għamlet talba simili, bl-ewwel waħda tkun li l-ġuri kollu jinstema’ bil-magħluq. L-Imħallef talab lill-ġurnalisti biex ma jkunux sensazzjonali.

Ix-xhud qal li kien il-11 ta’ Awwissu, waranofsinhar, li kien qed jara l-pazjenti fi klinika ż-Żurrieq meta kien mar is-sid tal-klinika Ignatius Farrugia u qallu li hemm xi ħadd minn San Pawl il-Baħar li ried ikellmu b’mod urġenti. Imma hu qallu li l-ewwel ried jara lil min kellu l-appuntament. L-eks Deputat Laburista qal li Iganitius Farrugia wasslu d-dar ftit wara is-sagħtejn ta’ filgħodu.

Malli daħal fir-residenza tiegħu kif dejjem jagħmel xegħel il-bitħa li fiha hemm sebgħa bibien. Mar jara jekk il-qattus għandux ikel u tefgħa d-dawl tal-bitħa u telgħa l-garigor li jagħti t-terazzin tal-kamra tas-sodda. L-eks Deputat Laburista qal li mar jinħasel u mar fis-sodda għarwien biex jidħol fis-sodda, għax hekk imdorri jorqod.

Kif kienet se tmur għajnejh bih qal li daħlu tliet irġiel. L-ewwel ma’ daħal kien l-akkużat, qabdu minn idu u beda’ jsawtu u jgħidlu li jridu l-flus. Ftit wara xegħlu d-dawl qabdu l-wire tal-lampa tal-komodina u rabtulu saqajh. Ftit wara rabtulu jdejh b’ingravata u b’ingravata oħra għalqulu ħalqu. L-akkużat kellu maskra tal-karnival ta’ wieħed xih u l-oħrajn kellhom balaklava.

L-eks Deputat Laburista qal li qalilhom għax qed jagħmlulu hekk, filwaqt li qalilhom li huma żgur li mhux ta’ San Filep. F’ħin minnhom, il-vittma beda jibki waqt li kien qed jixhed fejn semma kif qal lill-akkużat li kien se joqtlu imma l-vittma kien sejjer il-ġenna. L-eks Deputat Laburista qal ukoll li l-akkużat kellu mixja partikolari bil-warrani jitfgħu lura waqt li jimxi.

Fix-xhieda tiegħu, il-vittma qal li l-akkużat poġġielu l-pistola ma’ diversi partijiet ta’ ġismu biex ibeżżgħu. F’daqqa waħda qal li wieħed minnhom beda’ jagħtih bis-senter fuq koxxtu t-tnejn. L-akkużat qabad il-ħwejjeġ li ħareġ mill-gwardarobba u tefagħhom fuqu. Ftit wara jisma’ min jgħajjat “Profs, Profs” u kien sieħbu Schembri u Pulizija li kisser il-ħġieġa u fetħu u ħellsuh.

Aktar kmieni …

Il-ġuri wara l-attakk fuq l-eks Deputat Laburista Anthony Zammit ħa żvolta ġdida meta tliet terapisti tal-vuċi qalu fil-Qorti li l-akkużat m’għandu l-ebda problema ta’ komunikazzjoni u m’għandu ebda problema fil-vuċi. Fl-ewwel jum tal-ġuri, it-Tnejn li għadda, il-Prosekuzzjoni qalet li l-vittma għaraf lill-akkużat għall-mod kif jitkellem minħabba li teħillu ta’ spiss l-“S”.

Kienu l-esperti Patrick Vella, Paul Schembri u Kenneth Delia li qalu li mit-testijiet li għamlu fuq l-akkużat Kenneth Ellul, dan m’għandu l-ebda difett fil-mod kif jikkomunika. Sadanittant, aktar tard wara nofsinhar mistenni jixhed il-vittma Anthony Zammit bħala l-aħħar xhud tal-Prosekuzzjoni.

Xhud jgħid li dan l-aħħar sema’ li l-akkużat m’għandux x’jaqsam u li l-perċimess għadu jiġri barra

Ix-xhud Christopher Sheperd qal li f’April 2008 ċertu Christian Ellul kien ħajjru biex imur miegħu u ma’ żewġ persuni oħra biex jagħmlu hold-up fuq il-Professur Anthony Zammit. Hu qal li ma aċċettax l-invit biex iwettaq dan ir-reat, liema reat seħħ erba’ xhur wara. Hu tenna li dak iż-żmien ma kellux moħħ għax ommu kienet għadha kemm tmut. Qal li ħassu mħawwad peress li min ippjana kollox għadu jiġri barra, filwaqt li Kenneth Ellul, li dejjem ċaħad l-involviment tiegħu fil-każ, hu l-unika akkużat f’reat li sar minn tliet persuni.

Waqt li kien qed jixhed quddiem l-Imħallef Laurence Quintano, f’ġuri li daħal fit-tielet jum tiegħu, Shepard qal ukoll li dan l-aħħar sema’ li Kenneth Ellul ma kellux x’jaqsam mal-każ. Ellul, ta’ 39 sena mill-Furjana u residenti Wied il-Għajn, qed jiġi akkużat li seraq, sawwat u ħebb għall-Professur Anthony Zammit meta daħal ma’ żewġ persuni oħra fir-residenza tiegħu f’Awwissu 2008.

Christopher Shepard qal li jiftakar li fl-2009 kien mar ikellem lill-eks Deputat Laburista u kien tah l-istqarrija li kien għamel fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija. Tenna li l-ewwel kien ġie nterrogat dwar dan il-każ mill-Ispettur Keith Arnaud, li ħadu għand l-Ispettur Joe Merceica. Qal li ma kienx jaf lill-vittma u kien beda jkellem lill-Ispettur Merceica u qallu li kien ċertu Christian Ellul li mar id-dar għalih biex iwettaq is-serqa. Iżda hu ma riedx għax ma kellux moħħ minħabba li ftit qabel kienet mietet ommu.

Spjega li jiftakar li Christian Ellul fetaħlu l-bagoll u urieh xi affarijiet li kien hemm. Dan qallu li kellhom biċċa xogħol u semmielu post f’Ħaż-Żebbuġ. Ix-xhud qallu li ma kellux moħħ wara li Christian Ellul kien anke urieh senter u xi ħwejjeġ skuri. Ellul qallu li kellhom kollox preparat u semmielu lill-Professur Zammit. Christian Ellul qallu wkoll li kien se jkun hemm hu, Bruno Farrugia u Kenneth Ellul, filwaqt li riedu lilu biex ikun magħhom iżda baqa’ jirrifjuta.

Dwar l-eks Deputat Laburista, meta kien mar għandu biex jagħtih l-istqarrija dan beda jgħannqu u jbusu, kif għannaq ukoll lil bintu, li flimkien ma’ martu marru miegħu għand il-vittma. Qal li kien mar għandu biex jurieh li ma kellux x’jaqsam ma’ dak li kien seħħ. Dwar Kenneth Ellul, ix-xhud qal li kien joqgħod ħdejh u jafu żgħir, u li Christian kien ikun ħafna miegħu. Sheperd qal lill-Profesur Zammit li dawk li aggredewh kienu Anthony Ellul, Christian Ellul u Bruno Farrugia, skont li kien qallu Christian Ellul. Hu kien qallu wkoll li setgħu għamlulu agħar minn hekk.

Ix-xhud kompla jgħid li wara li saret is-serqa, Bruno Farrugia mar id-dar tiegħu b’ċurkett tad-djamanti biex ibigħhulu iżda hu ma kienx xtrah. Qal li wara sar jaf li kien partu ma’ gramma kokaina. Qal li kien ukoll sar konfront mat-tliet persuni li kien semma’ fl-Inkjesta Maġisterjali quddiem dak li llum hu Mħallef, Silvio Meli. Ix-xhud qal li meta kien xehed quddiem il-Maġistrat Anthony Vella, fil-21 ta’ Ottubru 2010, hu tenna li Christian Ellul hedded lil martu. Kien qal li l-mara bdiet tibki għax kien waqqafha u heddidha. Dak il-ħin kienet barra qed titma’ xi qtates.

Waqt il-kontro-eżami, Christopher Sheperd qal li “mhux dak il-perikoluż għax dak (l-akkużat) lanqas għandu biex jieħu kafé. Min qiegħed barra hu l-perikoluż u ma nistax nifhem kif tressaq hu biss”. Sostna li l-akkużat kien fetaħ qalbu miegħu u qallu li hu ma kienx involut f’dan il-każ. Shepard qal li kien wieġbu billi appellalu jgħid dak li jaf. Anke waqt il-konfront, l-akkużat kien qallu li ma kellux x’jaqsam għax “dik m’għamilthiex jien. Hu jaf min huma, imma qed jibża’ jitkellem”.

Kenneth Ellul qed jiġi akkużat ukoll li flimkien ma’ persuni oħrajn żamm armi tan-nar bla liċenzja tal-Kummissarju tal-Pulizja u li fl-1 ta’ Awwissu 2008 seraq karozza biex biha jikkommetti r-reat. Il-Prosekuzzjoni fil-ġuri qed titmexxa mill-avukati Lara Lanfranco u Kevin Valletta f’isem l-Avukat Ġenerali, filwaqt li għall-akkużat qed tidher l-avukat Josette Sultana.