Ftit aħbarijiet ta’ dan l-aħħar kollha juru l-istess ħaġa: inċertezza u nuqqas ta’ fiduċja fl-ekonomija Maltija. Dan qed jgħiduh iċ-ċifri tal-gvern Malti stess u tal-Unjoni Ewropea, l-awtoritajiet ekonomiċi u monetarji u l-għaqdiet tal-kummerċ.
Nibdew minn ħafna ċifri differenti
Miċ-ċifri trid tibda; il-magħdud ma tistax tmerih. Ħafna settijiet ta’ ċifri differenti juru lil Malta l-agħar fl-Ewropa għall-bejgħ fil-ħwienet għal diversi xhur; juru tnaqqis fil-produzzjoni tal-fabbriki; juru qgħad jiżdied; juru li nżilna żewġ postijiet fil-klassifika tal-qgħad fl-Ewropa; juru li sofrejna tnaqqis qawwi fl-esportazzjoni u fl-importazzjoni f’dawn l-aħħar xhur; juru li qed nimpurtaw anqas makkinarju, anqas materjal biex jinħadem mill-fabbriki u anqas prodotti tal-konsum.
Il-Gvernatur tal-Bank Ċentrali quddiem kumitat parlamentari
Kollha ċifri inkwetanti dawn. Issa kellna wkoll sessjoni tal-Gvernatur tal-Bank Ċentrali quddiem il-kumitat tal-Parlament dwar l-ekonomija u l-finanzi. Il-Gvernatur tal-Bank Ċentrali Malti hu wieħed mill -gvernaturi tal-Bank Ċentrali Ewropew u dak li hu jgħidu – mhuwiex responsabbli lejn il-gvern Malti.
Setturi importanti tal-ekonomija qed jissellfu anqas
U l-Gvernatur tal-Bank Ċentrali ikkonferma b’aktar ċifri. Is-self li l-banek qed jagħmlu lis-setturi importanti tal-industrija, it-turiżmu u l-kummerċ qed jonqos kontra x-xejra fl-Ewropa għax fil-pajjiżi falluti biss qed jonqos is-self.
Indikazzjoni ħażina dwar l-investiment għall-futur
Il-Ministru tal-Finanzi pprova jbenġilha fl-istess laqgħa li s-settur tal-proprjetà qed jissellef anqas u li forsi huma l-banek li ma jridux jisilfu. Imma l-Gvernatur tal-Bank Ċentrali qal ċar li s-self qed jonqos fis-setturi ewlenin kollha u, billi s-self hu d-demm tal-ekonomija – aktarx isir biex ikun hemm min ikabbar u jinvesti – dan hu sinjal ħażin għall-futur. U qal ukoll li l-banek iridu jisilfu u jistgħu jisilfu għax għandhom riservi qawwijin; huma n-negozji li ma jridux jissellfu.
Il-Kamra tal-Kummerċ tikkonferma wkoll…
Daħlet ukoll fl-argument il-Kamra tal-Kummerċ li qablet mal-Gvernatur tal-Bank Ċentrali u qalet li hawn inċertezza fin-negozju, ditti importanti m’għandhomx fiduċja għal li ġej u dan qed jaffettwa l-oqsma prinċipali: il-manifattura, il-fabbriki, it-turiżmu, il-kummerċ u d-distribuzzjoni li huma, dawn tal-aħħar, setturi importanti ħafna għal pajjiż li jimporta ħafna milli jikkonsma.
… kif jikkonfermaw tal-ħwienet: suq ħażin
L-Oppożizzjoni ilha tgħid lill-Gvern: agħti direzzjoni lill-ekonomija; mhux tħajjar biss lin-nies joħorġu jaħdmu trid, imma ġġib l-industriji ġodda fejn se jaħdmu. Għax ir-realtà ħierġa ċar miċ-ċifri uffiċjali Maltin u Ewropej, minn dak li qed jgħidu l-awtoritajiet finanzjarji u ekonomiċi li m’għandhom minn ħadd, minn dak li qed jgħidu l-għaqdiet tan-negozju u minn dak li jgħidlek tal-ħanut bil-Malti ċar: suq ħażin.