Il-Qorti illiberat anzjan li pponta ‘water pistol’ lejn żagħżugħ wara li dan waddablu ġelat wara li kien konkluż li l-proċeduri servew ta’ piena suffiċjenti fil-konfront tiegħu fejn tidħol il-piena u għalhekk ma kellux jiġi illiberat b’xi kundizzjoni.
Il-każ kien seħħ fis-16 ta’ Marzu 2009, għall-ħabta ta’ 11.45 p.m. fil-Park & Ride tal-Furjana, meta Saviour Mifsud Bonnici ħabat bil-karozza tiegħu ma’ oħra misjuqa minn Dennis Agius u li fiha kien hemm ukoll Shaun Vella u Karl Farrugia.
Agius baqa’ għaddej iżda Mifsud Bonnici baqa’ jsuq warajh, laħqu u ħareġ ikellem lil Agius. F’dak il-ħin ħarġu mill-karozza ż-żewġ passiġġieri u Farrugia waddablu ġelat li laqatlu l-karozza.
Mifsud Bonnici għall-ewwel ma ndunax li kien ġelat u ħareġ ‘water pistol’ fejn ippuntaha lejn iż-żewġ passiġġieri li ħadu qatgħa u daħlu jiġru fil-karozza. Imbagħad ċempel lill-Pulizija biex jiġu fuq il-post.
L-Ispettur James Grech, li investiga l-każ, kien xela lil Mifsud Bonnici li żamm lil Farrugia, lil Vella u lil Agius kontra l-volontà tagħhom u li kellu imitazzjoni ta’ arma irregolari. Mifsud Bonnici, ta’ 62 sena u joqgħod San Ġiljan, instab ħati mill-Maġistrat Doreen Clarke tal-ewwel akkuża u kien illiberat bil-kundizzjoni li ma jagħmilx reat ieħor fi żmien sena. Huwa iżda appella quddiem il-Qorti tal-Appell Kriminali.
L-Imħallef David Scicluna qal li minkejja li l-akkużat kien ġustifikat li jibża’, għax ħaseb li ż-żewġ żgħażagħ kienu se jaggreduh, fl-istess waqt la Farrugia u lanqas Vella ma kienu se jagħmlu xi offiża kontrieh.
Kien għalhekk li waqt li ikkunsidrat l-istqarrija tal-akkużat li kien iżomm il-‘water pistol’ biex jiddeffendi lilu nnifsu f’każ li jiġi attakkat f’każijiet ta’ ‘road rage’, l-Imħallef Scicluna ikkonferma l-ħtija imma fejn tidħol il-piena rrimarka li l-proċeduri kontrieh servew ta’ piena suffiċjenti u għalhekk illiberah mingħajr ebda kundizzjoni.


