Il-Kamra tan-Nar San Ġużepp ta’ Ħal Għaxaq se tkun qed taħdem biex tikseb rekord nazzjonali, hekk kif se tħejji l-ikbar ballun pirotekniku li nħaraq f’pajjiżna.
Il-kamra tan-nar, fi ħdan l-Għaqda Mużikali San Ġuzepp tal-istess raħal, din is-sena se tkun qed tieħu ħsieb l-ispettakli pirotekniċi kollha li jsiru bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet tal-festa ta’ San Ġuzepp iċċelebrata f’Ħal Għaxaq nhar il-Ħadd l-1 ta’ Ġunju.
Bħal snin imgħoddija l-qofol tal-ħarqiet pirotekniċi matul din il-festa se jkun l-ispettaklu “Flames of Fire”, spettaklu piromużikali li l-Kamra tan-Nar San Ġużepp ta’ Ħal Għaxaq ilha ittella’ sa mis-sena 2004. Forsi l-ikbar suċċess sa issa kien ir-rebħ tal-Festival Internazzjonali tan-Nar li jsir ta’ kull sena fil-belt ta’ Bilbao li ntrebaħ mill-istess għaqda fis-sena 2010. L-ispettaklu “Flames Of Fire” ikun maqsum fi tliet partijiet, fejn ikun hemm nar sinkronizzat mal-mużika, murtali tradizzjonali Maltin u kif ukoll ħarqa tradizzjonali ta’ nar tal-art.
Din is-sena iżda se jkun hemm xi ħaġa speċjali. Tul dawn l-aħħar snin il-Kamra tan-Nar San Ġuzepp ta’ Ħal Għaxaq esperimentat ħafna fuq blalen kbar ta kull daqs billi immanifatturat blalen ta’ kull qies minn blalen ta’ żewġ pulzieri sa blalen kbar ta’ sittax, dsatax u erba’ u għoxrin pulzier. L-attentat tar-rekord ser ikun li jinħaraq b’mod tajjeb ballun wisa’ ta’ erbgħa u għoxrin pulzier.
Dan kollu se jiġi ippreżentat lil pubbliku Malti nhar is-Sibt 31 ta’ Mejju fi Triq il-Belt Valletta ġewwa Ħal Għaxaq. L-ispettaklu se jibda fid-9:30p.m.
Bħal dejjem dawn l-ispettakli se jkunu offruti mingħajr ħlas.
Dawk kollha li jkunu se jattendu huma mitluba jidħlu Ħal Għaxaq min-naħa tal-Gudja biex b’hekk titnaqqas il-konġestjoni tat-traffiku minħabba f’toroq li se jingħalqu minħabba l-istess spettaklu.
Għal iktar informazzjoni wieħed jista’ jżur is-sit www.sanguzeppghaxaq.com jew fuq il-Facebook page tal-istess soċjeta’.
//= $special ?>