Sa minn Malta ssieħbet fl-Unjoni Ewropea għaxar snin ilu, il-qasam tas-servizzi finanzjarji kiber u ħoloq ħafna impjiegi. Dan qalu l-kandidat f’isem il-Partit Nazzjonalista għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew Ray Bugeja fis-seba’ konferenza annwali organizzata minn FinanceMalta fil-Lukanda Hilton.
Ray Bugeja qal li Malta għandha regulatur tajjeb ħafna dwar it-tħaddim tas-servizzi finanzjarji. Hu fisser kif wara għaxar snin ta’ sħubija, in-numru ta’ kumpaniji tal-assikurazzjoni żdiedu għal 64 filwaqt li dawk li jammanistraw il-fondi żdiedu minn 70 għal 700.
Jekk ikun elett fil-Parlament Ewropew, il-kandidat Nazzjonalista Ray Bugeja qal li se jkun qed jagħti sehemu f’kumitati dwar l-affarijiet ekonomiċi u fl-istess ħin jibqa’ f’kuntatt ma’ dak li jkun qed jiġri f’Malta.
Hu qal ukoll li jekk ikun elett se jkun qed jaħdem biex jagħti iżjed enfasi lill-kumpaniji żgħar li għandhom irwol importanti fl-ekonomija Maltija u Ewropea.
Il-kandidat f’isem il-Partit Laburista għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew Alfred Sant stqarr li fl-ewwel tliet snin tas-sħubija, Malta ma marritx tajjeb fis-servizzi finanzjarji iżda mbagħad issaħħet. Hu qal li dan wieħed għandu jirrikonoxxih.
Alfred Sant saħaq li Malta xorta waħda kienet tirnexxi fil-qasam tas-servizzi finanzjarji li kieku ma sseħbitx fl-istituzzjoni reġjonali. Hu żied li bħalissa hawn klima kontra s-servizzi finanzjarji fl-Ewropa.
Iċ-Chairperson ta’ Alternattiva Demokratika u kandidat għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew Arnold Cassola stqarr li s-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea wasslet biex, fost oħrajn, inħolqu iktar impjiegi fil-qasam finanzjarju u fit-turiżmu.
Il-konferenza tmexxiet miċ-Chairman ta’ FinanceMalta Kenneth Farrugia li nkludiet numru ta’ esperti internazzjonali u lokali magħżula li indirizzaw lill-parteċipanti dwar suġġetti kurrenti li jolqtu l-industrija tas-servizzi finanzjarji.
//= $special ?>