Ikompli jiżvolġi l-każ li seħħ fl-aħħar jiem, fejn Jason Borg, fotografu li jaħdem mat-Times of Malta twaqqaf mis-sigurta’ ta’ Mater Dei milli jiġbed ritratti ta’ ħruq ta’ vettura f’car park, b’allegata aggressjoni tal-istess fotografu minn żewġ uffiċjali tas-sigurta’.
Dan hekk kif il-General Workers’ Union ħarġet stqarrija fejn talbet lil membri tal-istampa biex ikunu prudenti f’xogħlhom iktar u iktar f’żoni ristretti fejn mhux suppost jinġibdu ritratti. Hi qalet li l-uffiċjali tas-sigurta’ kienu qed iwettqu dmirhom meta waqqfu lil fotografu milli jiġbed ir-ritratti. Filwaqt li kkundannat kull aggressjoni li ssir, hi qalet li l-liberta’ tal-istampa m’għandhiex tiġi abbużata u l-ġurnalisti għandhom ikunu jafu sa fejn jaslu d-drittijiet u l-obbligi tagħhom.
Intant, stqarrija tal-G4S Security, li tħaddem lil dawn iż-żewġ uffiċjali, qalet li huma ħadmu skont il-kriterji mitluba minnhom u li nħareġ rapport li jikkonferma dan ilbieraħ stess mill-amministrazzjoni tal-isptar Mater Dei. Fl-istqarrija tal-G4S ingħad li l-istess Borg irtira r-rapport li kien għamel lil Pulizija wara li seħħ l-inċident.
Iżda dan kollu ġie mgiddeb bi stqarrija maħruġa minn Allied Newspapers Ltd., li tippublika l-ġurnal The Times of Malta, u li qalet li Jason Borg la rtira r-rapport u lanqas għandu intenzjoni li jagħmel dan. L-istqarrija tgħid li din kienet fabbrikazzjoni sħiħa min-naħa tal-G4S Security, filwaqt li kkritikat ir-rapport li nħareġ, fejn intqal li ma jistax ikun li twettqet xi investigazzjoni serja fl-aħħar jiem.
Allied Newspapers Ltd. irrimarkat b’dispjaċir ukoll fuq il-fatt li stqarrija tal-G4S Security, rigward dak li seħħ, ġiet iċċirkolata bl-assistenza taċ-Ċermen tal-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin, li turi kunflitt ta’ interess kbir min-naħa tiegħu, ittemm tgħid l-istqarrija.


