Matul il-ġurnata, il-Korp tal-Pulizija kellu jilqa’ fi ħdanu numru ta’ eks-pulizija li ġew reinstated fil-Korp, fid-dawl tan-nuqqas ta’ riżorsi umani li għandu l-Korp bħalissa, wara t-transfers u l-promozzjonijiet li ngħataw fix-xhur li għaddew.
Saħansitra din il-ġimgħa, ftit ġranet biss qabel l-elezzjoni tal-Parlament Ewropew, fil-Korp tal-Pulizija ngħata ammont kbir ta’ transfers, b’każi minnhom jinkludu 4 transfers f’ġimgħa għal pulizija partikolari, u każ ieħor ta’ maġġur Għawdxi li fl-istess ġurnata ntbagħat Għawdex u reġa’ ntbagħat Malta. Transfers, li skont il-Ministru Manwel Mallia, saru skont l-esiġenzi tas-servizz.
Dawn l-esiġenzi tas-servizz wasslu biex il-pulizija jiġu ordnati biex minn din il-ġimgħa jaħdmu siegħat twal ta’ overtime, sakemm jiġu infurmati mod ieħor. Apparti li hemm ordni ta’ “stop leave” itwal mis-soltu.
Filfatt, illum ġew reinstated 4 surġenti, 22 uffiċjali tal-pulizija irġiel, u żewġ uffiċjali nisa. Kif ukoll ingħaqdu fil-Korp tal-Pulizija bħala Reserve Constbles, tliet pulizija irġiel, u mara. Sa issa taħt dan il-gvern saru 60 reinstatement, u daħlu 79 eks uffiċjali fil-Police Constabulary.
Jidher ukoll, issa, li kienu dawn l-istess esiġenzi li flok isir reklutaġġ, jerġgħu jiddaħħlu fil-Korp tal-Pulizija li jkunu telqu jew irtiraw. Madanakollu, dan is-sit hu nfurmat li anke hawn qed issir diskriminazzjoni. U dan peress li wħud qed jiġu aċċettati, waqt li oħrajn, qed jiġu rifjutati. Ninsabu nfurmati li saħansitra hemm pulizija li reġgħu iddaħħlu fil-Korp, li għandhom aktar minn 70 sena. U oħrajn li ilhom neqsin mal-ghoxin sena.
Sadanittant, sorsi li tkellmu magħna kkummentaw fuq iż-żjara li għamel il-Ministru Manwel Mallia fl-Akkademja tal-Pulizija fejn kien innutat in-nuqqas tal-Kummissarju tal-Pulizija Peter Paul Zammit.
Ir-raġuni għaliex il-Kummissarju ma kienx preżenti għal din iż-żjara tal-Ministru f’dik li probabbli hi l-aktar taqsima importanti tal-Korp, l-Akkademja, li finalment taqa’ taħt ir-responsabbilta’ tiegħu bħala Kummissarju, għadha mhix maghrufa. Mhux ċar lanqas il-protokol kienx jitlob li l-Kummissarju jkun preżenti.
Tul din iż-żjara l-Ministru ħabbar dritt ġdid li se jinghata proprju lil pulizija, fost korpi dixxiplinati oħrajn, dik li jissieħbu f’union.
//= $special ?>