L-avukat George Cutajar miet tard ilbieraħ filgħaxija fl-età ta’ 52 sena wara battalja twila mal-kundizzjoni medika li kellu. Cutajar, li għal żmien twil kien attivist tal-Partit Nazzjonalista, kien ukoll vittma ta’ attentat ta’ bomba fis-snin tmenin. Hu kien jgħix Ħ’Attard.
Hekk kif tħabbret il-mewt ta’ Cutajar, kienu ħafna dawk li sellmu l-memorja ta’ George fuq il-profil tiegħu fuq Facebook. Fost dawn, diversi Deputati, kandidati u ħbieb oħrajn fil-Partit Nazzjonalista, li ħadmu miegħu għal diversi snin.
George Cutajar se jingħata l-aħħar tislima s-Sibt li ġej fid-9am fil-Kattidral tal-Imdina.
Il-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Media.Link Communications jagħtu l-kondoljanzi lill-familja Cutajar.
Il-PN isellem lil George Cutajar
Il-Partit Nazzjonalista sellem il-memorja tal-avukat George Cutajar u qal li jibqa’ mfakkar kemm għall-ħidma tiegħu fil-kamp legali bħala avukat kif ukoll għall-attiviżmu tiegħu fil-kamp politiku. Il-PN qal li George Cutajar kien bniedem stmat mill-klijenti tiegħu għas-servizz serju u b’dedikazzjoni li kien jagħti, kif ukoll mill-kollegi tiegħu fil-kamp legali għas-serjetà li biha kien iwettaq ħidmietu. L-avukat Cutajar kellu fama ta’ ġentlom, li tkun taf fejn int miegħu u li jissielet b’assidwità għad-drittijiet tal-individwu.
Fil-kamp politiku, George Cutajar kien persuna ta’ prinċipji sodi li kien jimmilita bil-qawwa għal dak li jemmen fih. George Cutajar kien attivist fil-PN l-aktar fi żmien meta f’pajjiżna d-demokrazija kienet mhedda u meta kien diffiċli ħafna li wieħed jesprimi ruħu u jfittex dak li hu d-dritt tiegħu. Il-PN sellem lil George Cutajar, filwaqt li ta l-kondoljanzi lill-familja tiegħu.
//= $special ?>

