Lokali Xjenza u Teknoloġija

Inawgurat ‘Innovation Hub’ tal-MITA fi SmartCity

Il-Prim Ministru Joseph Muscat inawgura ċ-Ċentru ġdid tal-Aġenzija Maltija tat-Teknoloġija tal-Informatika (MITA) fi SmartCity, il-Kalkara. F’diskors qasir, il-Prim Ministru qal li permezz ta’ dan l-Innovation Hub, il-Gvern irid isaħħaħ il-qasam tal-informatika u jrawwem aktar żgħażagħ f’dan il-qasam.

Il-Prim Ministru ħeġġeġ lill-istudenti biex jiżviluppaw ideat ġodda bl-iskop li jippenetraw is-suq tal-IT. Fl-aħħar ġimgħat, minbarra l-ftuħ ta’ uffiċċji ġodda tal-MITA, fi SmartCity infetaħ ukoll uffiċċju tal-Awtorità Maltija għal-Logħob tal-Lotteriji. Il-Prim Ministru wiegħed l-appoġġ tal-Gvern fis-settur tal-IT, filwaqt li ftaħar li issa 70% ta’ SmartCity hi mimlija.

Min-naħa tiegħu, iċ-Chairman tal-MITA Tony Sultana qal li l-ħsieb wara dan l-Innovation Hub hu biex jibdel l-ideat kreattivi fi proġetti u proposti tanġibbli għal iżjed servizzi innovattivi. Hu rrefera, fost oħrajn, għal diversi timijiet li qed jikkompetu biex jippromwovu l-Park tal-Majjistral permezz ta’ app fuq il-mobile.