Skont il-Ministru għat-Trasport u l-Infrastruttura Joe Mizzi, informazzjoni marbuta mal-kumpanija li mingħandha l-Gvern se jikri 45 karozza tal-linja biex ilaħħaq mad-domanda fis-Sajf, hi kummerċjalment sensittiva. Matul il-ħin tal-Mistoqsijiet Parlamentari fis-seduta tat-Tnejn filgħaxija, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni Toni Bezzina staqsa xi proċeduri ġew applikati fil-kiri ta’ dawn il-karozzi tal-linja. Staqsa wkoll jekk ħarġitx sejħa għall-offerti, espressjoni ta’ nteress, kwotazzjoni jew jekk ingħatatx direct order.
Il-Ministru Mizzi wieġeb li aktar kmieni din is-sena, ittieħdet deċiżjoni mill-Bord tad-Diretturi tal-operatur tat-trasport pubbliku biex jinkrew karozzi tal-linja ġodda tat-tip low floor, ‘Euro 5′ u mgħammra bl-arja kundizzjonata għal perjodu ta’ mhux aktar minn sena. Dawn il-vetturi għandhom jaslu Malta sa Ġunju biex ilaħħqu mad-domanda tal-passiġġieri fix-xhur tas-sajf.
Joe Mizzi qal li minħabba ż-żmien qasir li fih kellhom jinġiebu dawn il-karozzi tal-linja, l-operatur tat-trasport pubbliku għamel diversi kuntatti ma’ kumpaniji Maltin kif ukoll barranin biex jinkrew karozzi tal-linja ġodda. Skont il-Ministru Mizzi, Transport Malta rċeviet erba’ offerti mingħand kumpaniji li ġew avviċinati u li minnhom intgħażlet l-aħjar offerta. Joe Mizzi ma kienx ċar fit-tweġiba tiegħu meta kien mistoqsi mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar dan il-qasam, dwar min kienu l-uffiċjali u konsulenti li għamlu l-ftehim.
Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni staqsa jekk dawn humiex impjegati ta’ Transport Malta jew tal-Malta Public Transport Limited, jiġifieri l-kumpanija proviżorja li waqqaf il-Gvern sakemm tiġi assenjata l-offerta lill-operatur il-ġdid wara t-tluq tal-Arriva.
Minflok, il-Ministru Mizzi wieġeb li d-deċiżjoni li jinkrew 45 karozza tal-linja ġdida ttieħdet mill-Bord tad-Diretturi ta’ Malta Public Transport Services fuq rakkomandazzjonijiet li saru mill-management tal-istess kumpanija. Joe Mizzi kkonferma li dawn ir-rakkomandazzjonijiet saru biex ikun żgurat li jkun hemm biżżejjed karozzi tal-linja biex tintlaħaq id-domanda ta’ passiġġieri, speċjalment matul is-sajf.
Fis-seduta tal-għada t-Tlieta, bi tweġiba għal aktar Mistoqsijiet Parlamentari mid-Deputat Nazzjonalista, il-Ministru Mizzi qal li l-kumpaniji li wrew interess li jissottomettu l-espressjoni ta’ interess biex iħaddmu s-servizz tat-trasport pubbliku f’Malta, ma setgħux ikunu nfurmati li kienu se jinkrew dawn il-vetturi.
Dan għax, skont Mizzi, il-kuntratt tal-kiri ta’ dawn il-vetturi ġie konkluż u ffirmat fil-11 ta’ April li għadda wara d-data tal-għeluq għas-sottomissjonijiet tal-espressjoni ta’ nteress. Bi tweġiba għal mistoqsija oħra, il-Ministru Joe Mizzi ftaħar li ma saret ebda manuvra minn wara dahar il-poplu biex jinkrew il-45 karozza tal-linja.
//= $special ?>