L-arroganza dejjem tiżdied tal-Gvern, sena biss wara li kiseb il-poter, hi ferm ‘il bogħod mill-wegħdiet li saru qabel l-elezzjoni ġenerali li għaddiet li se jkun hemm politika ġdida. Għalhekk, issa hu ż-żmien li l-20,000 votant li jissejħu switchers, jaħsbu qabel jivvutaw u jibgħatu messaġġ lill-Gvern Laburista u lill-Prim Ministru Joseph Muscat, li l-elettorat ma jistax jittieħed for granted.
L-opinjonista Martin Scicluna qal dan f’artiklu li kiteb fuq The Times of Malta bit-titlu “Time to send a message“. Scicluna qal li issa li waslet l-elezzjoni tal-Parlament Ewropew, hu żmien li wieħed janalizza dak li seħħ fl-ewwel sena tal-Gvern Laburista.
Skont l-opinjonista, fost l-akbar żbalji li saru mill-Gvern hemm il-mod ħażin kif iddaħħlet l-iskema tal-bejgħ taċ-Ċittadinanza Maltija, li tefgħet dell ikrah fuq ir-reputazzjoni internazzjonali ta’ Malta. Kien hemm ukoll it-tradiment tal-wegħda tal-meritokrazija fil-ħatriet mas-servizz pubbliku. Hu kkritika wkoll il-mod kif l-ogħla karigi fis-servizz pubbliku u fil-politika barranija, fil-Forzi Armati, fil-Pulizija u fl-entitajiet kollha tal-Gvern imtlew minn nies Laburisti wara li tneħħew nies kompetenti. Dan wassal għal tmexxija ineffiċjenti.
Martin Scicluna kkritika wkoll il-policies il-ġodda tal-MEPA, li qed jagħtu lill-iżviluppaturi l-libertà li jagħmlu li jridu b’detriment għall-ambjent f’pajjiżna. Ikkritika wkoll lill-Gvern dwar in-nuqqas ta’ rappreżentanza fiċ-ċerimonja tal-Kanonizzazzjoni taż-żewġ Papiet fil-Vatikan. Kritika oħra għall-Gvern hi dwar il-mod awtoritarju li ħa d-deċiżjoni li jagħti amnestija lil dawk li serqu l-elettriku bit-tbagħbis fl-iSmart Meters.
B’mod partikolari, Scicluna jikteb dwar l-attitudni ta’ Muscat fil-konfront tal-Kostituzzjoni, fosthom fil-mod kif il-President ġdid ta’ Malta ngħatat responsabbiltajiet u poteri li f’demokrazija suppost huma tal-Eżekuttiv. Hemm ukoll il-ħatriet ta’ Deputati tal-Parlament, li r-rwol tagħhom hu li jżommu l-ħin kollu lill-Gvern accountable, bħala membri eżekuttivi fuq bordijiet tal-istess Gvern li suppost qed jiskrutinizzaw.
Martin Scicluna jagħlaq l-artiklu billi jgħid li hemm nuqqas ta’ fiduċja fil-Gvern u l-governanza ħażina trid tkun ikkastigata billi l-votanti fl-24 ta’ Mejju jibgħatu messaġġ lill-Gvern.
//= $special ?>