Fil-kontro-replika tagħha l-Avukat Lara Lanfranco qalet lill-ġurati biex ma jagħmlux li żball li jħalltu l-biki emozzjonali u ġenwin ma’ xi tip ta’ reċtar min-naħa tal-vittma l-Professur Anthony Zammit. Hija qalet li minħabba dak li għadda minn għalih se jibqa’ jbati għal tul ħajtu kollha. Qalet li kien lejl tal-biża għall-Professur Zammit, li qatt ma bidel il-verżjoni, minkejja t-trawma kerha li għadda minnha.
L-Avukat Lanfranco qalet li l-vittma jrid li dak li sar jgħaddi għal kollox u ma jibqax jiftaħ il-feriti.Qalet li dak li qal kien biss l-azzjonijiet tal-akkużat f’dak li il-lejl ta’ Awwissu ta’ sitt snin ilu. Qalet li fid-29 ta’ Settembru wara “identification parade” il-Professur ma identifikax lill-akkuħat.
Dan għaliex l-akkużat kien l-ewwel ġie mitkellem dwar il-każ xahrejn wara u għalhekk hu ma kien x jagħmel parti minn dik il-“parade.” Dwar dak li qal Christopher Shepherd. “flġewwel stqarrija ma kien hemm ebda diskors dwar xi ċurkett. Ġurnata wara huwa mar biex jitkellem, mal-vittma fuq l-istqarrija li kien ta lill-Pulizija.
Iffaċċat bl-istqarrija, Zammit ried li jittestja il-kredibilita’ ta’ persuna mhux magħrufa peress li ma kienx jafu”. Il-vittma qal lil Shepherd fuq iċ-ċurkett li kien ta’ valur sentimentali kbir għalih. Ingħad li l-akkużat kien diġa biegħ iċ-ċurkett minħabba li dak iż-żmien ried il-flus għad-droga. Mhux biss Shepherd ma bidel l-ebda verżjoni, qalet il-Prosekutur, iżda ikkonferma l-istqarrijiet li huwa ta lill-Pulizija u lill-Maġistrat Inkwerenti.
“Madankollu, waqt il-kumpilazzjoni, Shepherd beda jibdel il-verżjonijiet. Huwa qal li waqt l-istess kumpilazzjoni kien qed jiża’ u dan wara li ltaqa’ mal-akkużat fil-lift tal-Qorti. L-akkużat kien ċaħad l-involviment tiegħu fil-każ u aktar minn hemm il-mara ta’ Shepard kienet ġiet mhedda. Dik hija r-raġuni li Shepard bidel il-verżjoni,” qalet l-Avukat Lanfranco.
Hija qalet ukoll li filwaqt li għandha kull rispett għall-esperti tal-Qorti, meta beda jixhed l-akkużat, dan beda xik kultant jitkellem bl-esse. “L-esperti tal-Qorti qalu li m’gandux problemi fil-kliem, imma sakemm jien mhiniex qed niġġennen, waqt ix-xhieda tiegħu kemm il-darba beda jitkellem bl-esse.” Finalment qalet li dan ma kienx każ ta’ investigazzjoni ta’ malajr, u biex il-vittma jistrieħ. “Personalment ma niġix il-Qorti biex nirbaħ, imma biex nara li ssir ġustizzja, qalet Dr. Lanfranco. Għada filgħodu ssir il-kontro-replika tad-difiża u wara l-indirizz mill-Imħallef Laurence Quintano.
Aktar kmieni …
Il-Prosekuzzjoni ma rnexxilhiex tipprova l-każ tagħha
Il-Prosekuzzjoni ma rnexxilhiex tipprova l-każ tagħha, l-aktar bix-xhieda tal-vittma nnifsu l-Professur Anthony Zammit, li spiċċa kkritika persuni mediċi ta’ ċertu esperjenza, fosthom lil Dr Mario Scerri, u li meta wieħed iqabbel ix-xhieda li ta lbieraħ filgħaxija u dak li kien ta quddiem l-espert tal-Qorti u fil-Qorti tal-Maġistrati, dik tal-bieraħ kienet aktar ‘ikkulurita’. Fost affarijiet oħrajn, ħames snin ilu l-eks Deputat Laburista kien qal li riedu jeqirdu s-swaba’ tiegħu permezz ta’ martell u waqt il-ġuri qal li kien nail clipper li bih qalulu li kienu se jaqtgħulu s-swaba’ ta’ jdejh u ta’ saqajh.
Dan ħareġ meta l-avukat Josette Sultana bdiet id-difiża tagħha fil-każ. Hi qalet li kien hemm diversi affarijiet li seħħew bla ebda konsistenza. Tkellmet dwar il-pistola li allegatament intużat waqt il-hold-up li sar fuq il-Professur Zammit, fejn l-Ispettur Joe Mercieca qal li din kienet silver meta rriżulta li kienet sewda, xi ħaġa li kkonfermawha l-esperti. Dwar il-filmati tas-CCTV, ħadd minn dawk li daħlu fir-residenza tal-vittma ma deher li kellu xi arma f’idejh, filwaqt li fl-opinjoni tagħha dak li qalet il-Prosekuzzjoni li kien hemm wieħed twil li deher jidħol fir-residenza, m’għandux ifisser li hu Kenneth Ellul li daħal fil-post f’Ħaż-Żebbuġ.
L-avukat Sultana qalet li hawn ħafna persuni ta’ statura twila u allaħares wieħed jarresta lil kull min hu maħsub li għax għandu statura ta’ xi ħadd li wettaq reat, allura jkun hu. Dwar l-arma li kien hemm taħwida sħiħa fuq il-kulur tagħha, l-Ispettur Merceica qal li Cilia l-aktar li jaf fuqha, filwaqt li Cilia qal li Mercieca l-aktar li jaf fuqha. Tkellmet ukoll dwar is-senter isserrat li allegatament ukoll intuża’ fil-hold-up. Hi qalet li mill-kampjuni li ttieħdu minn kullimkien, meta saru l-paraguni mal-akkużat, ħareġ kollox fin-negattiv.
Dwar il-problema li allegatament intqal li għandu l-vittma fil-komunikazzjoni, fejn l-eks Deputat Laburista qal li għaraf lill-akkużat għax teħillu l-“S”, l-avukat Sultana qalet li din mhijiex minnha għax meta xehed l-akkużat ma weħħillu ebda kliem fil-Qorti. Dan hu każ li jew teħillek jew le, qalet l-avukat Josette Sultana.
Aktar kmieni …
L-akkużat jiċħad diversi drabi li kien id-dar tal-Professur Zammit meta ġie aggredit u misruq
Kenneth Ellul ta’ 39 sena, mill-Furjana u residenti Wied il-Għajn, għażel li jixhed fil-ġuri tiegħu stess wara li l-Prosekuzzjoni ddikjarat li m’għandhiex aktar provi xi tressaq. Ellul qed jiġi akkużat li flimkien ma’ persuni oħra pparteċipa fil-hold-up li fiha ġie aggredit l-eks Deputat Laburista Anthony Zammit fir-residenza tiegħu f’Ħaż-Żebbuġ sitt snin ilu. Quddiem l-Imħallef Laurence Quintano, Ellul sostna għal diversi drabi li hu ma kienx ipparteċipa fil-hold-up f’Awwissu 2008, fejn Zammit kien issawwat u misruq b’eluf ta’ ewro f’oġġetti, li jinkludu ħames arloġġi li skont il-vittma flimkien jiswew €35,000.
Ellul qal li hu mhux xi anġlu u li meta nterrogwah għall-ewwel kien ħa kollox biċ-ċajt. Tenna li l-ewwel darba li ra lill-Professur Zammit kien fil-Qorti. Dwar Christopher Shepard qal li ilu jafu minn mindu kienu tfal u tenna li Shepard kellu trobbija diffiċli. L-akkużat qal li hu ma ħadhiex bi kbira li dan bidel il-verżjoni tiegħu tliet darbiet. Dwar l-eks Deputat Laburista, qal li hu xtaq jiltaqa’ miegħu biex ifehmu li ma kellux x’jaqsam mal-każ u li r-residenza tiegħu ma jafx fejn hi. L-ewwel darba li ra r-residenza ta’ Zammit kienet fil-Qorti permezz tar-ritratti u l-pjanta li ntweriet, spjega l-akkużat.
Dwar Christian Ellul, hu qal li jafu għax ġieli abbużaw mid-droga flimkien, filwaqt li dwar il-karozza tat-tip Fiat Punto qal li din kienet ta’ Christian Ellul u mhux tiegħu. Qal ukoll li qatt ma daħal għand persuna, magħrufa bħala “t-Tito”, li tbigħ l-armi. Dwar dak li kien qal lil Mark Anthony Ellul dwar il-hold-up, qalu fuq dak li kien qallu l-Ispettur tal-Pulizija. Wara tkellem dwar iċ-ċurkett li ssemma’ u li allegatament kien għandu. Tenna li mhux minnu li kellu dan iċ-ċurkett, propjetà tal-vittma, għax peress li dak iż-żmien kien junkie żgur li ma kienx idum ix-xhur għandu.
Waqt il-kontro-eżami, li beda jsir mill-Prosekutur Kevin Valletta, saru diversi battibekki mal-akkużat, tant li l-Imħallef Laurence Quintano wissa sew lill-Prosekuzzjoni fuq l-aġir tagħha. L-avukat Valletta staqsa lill-akkużat jekk hux kulħadd kien qed jigdeb, fejn anke l-vittma kien għarfu. Qal li hu kien se joqgħod fuq dak li tiddeċiedi l-Qorti. Wara li l-akkużat semma’ li Mark Anthony Ellul kellu tliet sentenzi sospiżi u li qalagħhom f’perjodu ta’ ġimgħa, l-avukat Valletta attakka r-rekord kriminali tal-akkużat, li min-naħa tiegħu kompla jiċħad li kien fir-residenza tal-vittma f’Awwissu 2008. Dwar kif Shepard tkellem dwaru u għaliex, l-akkużat qal lill-Prosekutur li jekk għamel il-“homework” tiegħu kien ikun jaf għaliex Shepard aġixxa kif aġixxa.
Meta kien qed jindirizza lill-Prosekuzzjoni, l-akkużat qal li “int ma tafx x’jiġifieri tkun fl-iżbarra għalxejn”, iżda issa kien se jħalli f’idejn il-ġurati. Qal li kien għalih ma kienx jgħaddi ġuri quddiemhom, iżda quddiem Imħallef. Madankollu, qal li l-avukat tiegħu għandha fiduċja fil-ġurija u kkonvinċietu li jgħaddi ġuri b’dan il-mod. Ellul qed jiġi akkużat ukoll li flimkien ma’ persuni oħra żamm armi tan-nar bla liċenzja tal-Kummissarju tal-Pulizja u li fl-1 ta’ Awwissu 2008 seraq karozza biex biha jikkommetti r-reat.
Il-każ kien seħħ fil-lejl ta’ bejn il-11 u t-12 ta’ Awwissu 2008, meta l-eks Deputat Laburista kien safa vittma ta’ tliet kriminali li daħlu fir-residenza tiegħu f’Ħaż-Żebbuġ, serquh u sawwtuh. Ellul qed ikun mixli li, fost oħrajn, żamm lill-Professur Zammit kontra l-volontà tiegħu bil-ħsieb li jieħu xi flus, b’serq bi vjolenza u li kkaġuna feriti gravi fuq il-Professur Zammit.#
Il-Prosekuzzjoni fil-ġuri qed titmexxa mill-avukati Lara Lanfranco u Kevin Valletta f’isem l-Avukat Ġenerali, filwaqt li għall-akkużat qed tidher l-avukat Josette Sultana.
//= $special ?>

