Is-Segretarju Parlamentari għall-Ippjanar u s-Simplifikazzjoni Amministrattiva Michael Falzon li, kemm-il darba rrappreżenta lill-Partit Laburista fl-elezzjonijiet ġenerali u elezzjonijiet oħra, qal fil-Qorti li ma jafx kif tinħadem is-sistema elettorali biex din tirrifletti l-proporzjonalità.
Meta kompliet tinstema’ l-kawża li l-Partit Nazzjonalista fetaħ kontra l-Kummissjoni Elettorali u kontra d-Deputat Laburisti Joe Debono Grech, il-Ministru Edward Scicluna u s-Segretarju Parlamentari Justyne Caruana dwar l-iżbalji fl-għadd tal-voti tat-8 u t-13-il distrett, l-avukat Paul Borg Olivier, li flimkien ma’ l-avukat Therese Comodini Cachia qed jidher għall-PN, staqsa kif tinħadem is-sistema tar-ripeskaġġ. Iżda l-avukat Falzon qal li ma kienx f’pożizzjoni li jwieġeb.
Falzon kien xhud imtella’ mill-Partit Laburista bħala espert tal-istess partit dwar it-tħaddim tal-elezzjonijiet u kien mistoqsi għal diversi drabi minn Borg Olivier dwar is-sistema ta’ kif kandidat jitla’ meta jkun hemm dak li jissejjaħ ir-ripeskaġġ biex tiġi attwata l-proporzjonalità. Wara għadd ta’ interventi fejn Michael Falzon beda jonqos milli jwieġeb, Paul Borg Olivier qallu li hemm żewġ sistemi, waħda ta’ min iġib l-‘unijiet’ u l-oħra ta’ dak il-kandidat li jitla’ permezz tal-mertu tiegħu.
Meta mistoqsi kif taħdem din tal-proporzjonalità, Falzon reġa’ kien evażiv u qal li ma jafx. Il-PN fetaħ każ permezz ta’ Rikors Kostituzzjonali kontra l-Kummissjoni Elettorali fuq l-eżitu tar-riżultat tal-elezzjoni ġenerali fiż-żewġ distretti. Fir-Rikors qed jingħad li l-elezzjoni ġenerali tat riżultat li ma jirriflettix ir-rieda tal-votanti meta l-Kummissjoni Elettorali kkommettiet żbalji fit-trasferiment tal-voti b’konsegwenza li żewġ kandidati tal-PN ma ġewx dikjarati eletti skont il-voti li ġabu.
Dan wassal biex minflok ir-rieda tal-votanti li jkunu eletti Claudette Buttigieg u Frederick Azzopardi bħala kandidati tal-PN, ġew eletti Edward Scicluna u Justyne Caruana f’isem il-PL. Dan wassal ukoll biex ġab sitwazzjoni fejn id-distakk bejn il-PL fil-Gvern u l-PN fl-Oppożizzjoni hu ta’ disa’ siġġijiet minflok ta’ sebgħa.
Il-kawża se tkompli fil-5 ta’ Ġunju, meta l-PL mistenni jtella’ żewġ xhieda oħra.
//= $special ?>

