Elezzjoni Parlament Ewropew 2014 Lokali

L-investituri qed juru nuqqas ta’ fiduċja fl-ekonomija Maltija

Statistika ppreżentata mill-Gvernatur tal-Bank Ċentrali din il-ġimgħa fil-Kumitat Parlamentari għall-Ekonomija, joħroġ b’mod ċar li d-domanda għas-self mill-banek għal skop ta’ investiment niżlet f’zona negattiva għall-ewwel darba. Dan huwa preokkupanti ferm għax ikompli jqajjem mistoqsijiet dwar minn fejn se jiġi t-tkabbir ekonomiku previst u kif se jinħoloq ix-xogħol.

Dan qalu l-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista għall-Ħidma Parlamentari u Kelliem għall-Ekonomija Mario de Marco waqt konferenza tal-aħbarijiet quddiem il-Bank Ċentrali fil-Belt Valletta. Huwa kien akkumpanjat mill-kandidati tal-Partit Nazzjonalista għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew Therese Comodini Cachia u Jonathan Shaw.

Mario de Marco semma l-istqarrija maħruġa mill-Kamra tal-Kummerċ ilbieraħ, li fiha stqarret li n-nuqqas fid-domanda għas-self mhix ġejja minħabba rati ta’ imgħax għoljin iżda minħabba n-nuqqas ta’ aptit għall-investiment, speċjalment f’setturi bħall-manifattura, u fl-importazzjoni. L-istqarrija tal-Kamra tal-Kummerċ tikkonferma dak li ilu żmien jgħid il-Partit Nazzjonalista: li l-ekonomija ta’ pajjiżna qed tagħti sinjali ċari ta’ twissija li tilfet ir-rankatura li kellha fl-aħħar snin u li dan qed iħalli effett fuq li-familji u n-negozji Maltin u Għawdxin.

Il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista fakkar li skont l-aġenzija Eurostat, is-sena li għaddiet pajjiżna rreġistra tnaqqis ta’ 20% fl-esportazzjoni, li hi l-ogħa rata ta’ tnaqqis fl-Unjoni Ewropea, u kellha wkoll tnaqqis qawwi fil-produzzjoni industrijali. Il-bejgħ mill-ħwienet – li hu indikatur kruċjali tal-importazzjoni – naqas bi 15%, li jfisser it-tieni l-akbar tnaqqis fl-Unjoni Ewropea.

In-nuqqas ta’ fiduċja tal-investituri fl-ekonomija Maltija qed twassal biex tikber ir-rata ta’ nies li m’għandhomx xogħol, kif ukoll tnaqqas ir-rata li bih qiegħed jinħoloq ix-xogħol. Infatti, ir-rata ta’ qgħad f’pajjiżna kiber minn 6.2% lejliet l-elezzjoni għal 6.9% illum. Kważi 8,000 persuna qed ifittxu x-xogħol, tenna Mario de Marco.

Il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista sostna li filwaqt li hemm setturi fl-ekonomija li sejrin tajjeb, bħalma huma s-servizzi finanzjarji u t-turiżmu, is-suċċess ekonomiku tagħna jiddependi ħafna mid-diversifikazzjoni. Il-Gvern ma jistax jinjora setturi bħall-manifattura u l-ħwienet. Hu qal li l-Partit Nazzjonalista se jkompli jaħdem f’Malta, kif ukoll fil-Parlament Ewropew, biex jipproponi setturi ġodda li fihom jista’ jinvesti pajjiżna u joħloq ix-xogħol, għal Malta Aħjar.