Futbol Sport

Malta ttemm l-impenji b’telfa kbira kontra t-Torok

It-tim nazzjonali Malti ta’ taħt is-17-il sena temm l-impenji tiegħu fi Grupp A tal-Kampjonati Ewropej b’telfa ta’ 4-0 kontra t-Turkija, tim li bħal Maltin, ukoll kien diġa’ jaf li hu eliminat qabel ma bdiet din il-partita. Il-Maltin, wara l-wirja pożittiva fit-telfa ta’ 5-2 kontra l-Olanda, kienu qed jittamaw li jiksbu l-ewel punti li kienu jkunu storiċi iżda l-qawwa tal-avversarji Torok kienet wisq għat-tim ta’ Sergio Soldano. Ta min jinnota li preżenti għal din il-logħba kien hemm il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil.

 

SIMON BUSUTTIL MALTA TURKIJA U17-0088

Kienu l-Maltin li kellhom l-aħjar bidu filwaqt li fit-tieni taqsima t-Torok żiedu r-rittmu u skurjaw erba’ gowls. Quddiem pubbliku numeruż f’Ta’ Qali Malta ħarġu aggressivi u marru viċin li jsibu x-xibka permezz ta’ free kick dirett ta’ Jake Grech li kien salvat tajjeb minn Tarik Cetin. Minn naħa tagħhom it-Torok irrispondew b’ċansijiet ta’ Enes Unal li ra t-tentattiv tiegħu jkun salvat mill-goalkeeper Azzopardi filwaqt li ftit minuti wara Emirhan Aydogan kellu xutt li mar barra.

Fit-tieni taqsima l-andament tal-logħba inbidel kompletament u fit-43 minuta t-Turkija marret fil-vantaġġ meta s-sostitut Aktay għadda lejn ALICI li mill-viċin ma żbaljax għal skor ta’ 1-0. Kwarta wara t-Torok żiedu mal-iskor meta l-istess ALICI approfitta minn indeċiżjoni tad-difiża Maltija u spara xutt fir-rokna ta’ fuq tax-xibka. Wara li ipprovda assist fl-ewwel gowl, AKTAY din id-darba kien hu li sab ix-xibka meta fis-70 minuta skurja gowl mill-viċin. L-istess player għaqqad doppjetta u għamilhom erbgħa għat-tim tiegħu sitt minuti wara meta skurja minn rebound wara li x-xutt ta’ Ertugrul Ersoy kien ħabat mal-mimduda.

‘Tlifna ħafna ċansijiet ta’ skor’
“Dan ma kienx il-mod li ridna ntemmu l-avventura tagħna f’dawn il-kampjonati. Fl-ewwel taqsima lagħbna tajjeb u hekk kif bdiet it-tieni taqsima qlajna  żewġ gowls banali. L-attakkanti twal tat-Turkija ħolqulna problemi. Hu frustranti l-fatt li toħloq ħafna ċansijiet ta’ skor u ma tiskurjax. Madankollu, jien kburi li l-players dejjem taw il-massimu tagħhom, anke meta kienu erba’ gowls minn taħt.” Dawn kienu l-ewwel kummenti tal-kowċ Sergio Soldano fi tmiem il-partita.