Il-Bank Ċentrali ta’ Malta (BĊM) u l-MaltaPost niedew munita u bolla tal-fidda numerati biex jitfakkar il-50 anniversarju mill-kisba tal-Indipendenza ta’ Malta. Għaż-żewġ istituzzjonijiet, din fissret ukoll il-bidu ta’ relazzjoni tajba bejniethom biex jinbigħu prodotti kommemorattivi tal-BĊM bħal dawn.
F’diskors tal-okkażjoni, waqt it-tnedija ta’ dan il-prodott, il-Gvernatur tal-BĊM Josef Bonnici fakkar il-mixja ekonomika ‘l quddiem li għamel pajjiżna mill-Indipendenza ‘l hawn, fosthom bil-ħolqien tal-BĊM stess. Min-naħa tiegħu, iċ-Chairman ta’ MaltaPost Joseph Said qal li l-għaqda bejn iż-żewġ istituzzjonijiet hi waħda sinifikanti.
Dawk preżenti għall-attività kienu ndirizzati wkoll mill-Prod Oliver Friggieri, li spjega l-importanza soċjali li ġabet magħha l-Indipendenza u l-kontribut biex setgħu jseħħu l-avvenimenti storiċi li ġew warajha: id-dikjarazzjoni tar-Repubblika fl-1974, it-tmiem tal-ftehim dwar il-faċilitajiet militari fl-1979 u d-dħul ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea fl-2004.
Dawn is-settijiet numerati bdew jinbigħu mil-lum mill-BĊM u mill-fergħat kollha tal-MaltaPost.
//= $special ?>