Elezzjoni Parlament Ewropew 2014 Lokali

Filmat: Muscat jgħid li m’għamilx konferenza tal-aħbarijiet dwar kuntratt ta’ €400 miljun biex ma jaqlax kritika

Skont il-Prim Ministru Joseph Muscat, hu m’għamilx konferenza tal-aħbarijiet dwar il-kuntratt ta’ €400 miljun mal-konsorzju ElectroGas dwar il-Power Station tal-gass biex ma jaqlax kritika li għamel konferenza tal-aħbarijiet. Il-Prim Ministru kien qed iwieġeb mistoqsijiet ta’ MaltaRightNow.com dwar il-kuntratt li kien iffirmat bil-moħbi tal-poplu Malti u tal-media fil-jiem li għaddew minkejja li qabel l-elezzjoni ġenerali li għaddiet Muscat kien wiegħed lill-poplu Malti li se jkun qed imexxi Gvern trasparenti, kontabbli u responsabbli. Iżda issa, wara sena fil-Gvern, qed jagħmel bil-maqlub ta’ dak li wiegħed.

Konferma ta’ dan hi s-segretezza u l-ħabi tal-kuntratt ta’ €400 miljun mal-konsorzju ElectroGas dwar il-Power Station tal-gass f’Delimara. Dan il-kuntratt kien iffirmat bil-moħbi tal-poplu Malti u tal-media, iżda biex ħabbar roħs ta’ 2ċ fil-prezz tal-petrol wara li l-Gvern stess kien għolla l-petrol b’2ċ xahar qabel, il-Prim Ministru għamel konferenza tal-aħbarijiet b’ħafna pompa fil-Berġa ta’ Kastilja. Staqsejna wkoll lill-Prim Ministru għaliex qed iżomm dan il-kuntratt sigriet u għaliex ma ppubblikahx. Qal li m’hemmx segretezzi dwar l-ebda kuntratt tal-Power Station u dan se jkun miftuħ għall-iskrutinju pubbliku malli jasal il-waqt. Muscat qal li f’Malta għandna l-Freedom of Information Act u għalhekk se jkun miftuħ fil-limiti tas-sensittività kummerċjali għall-iskrutinju pubbliku.

Il-Prim Ministru kien mistoqsi wkoll mill-ġurnalisti dwar kuntratt ieħor li wkoll qed jinżamm mistur, jiġifieri dak ma’ Henley & Partners dwar l-iskema tal-bejgħ taċ-Ċittadinanza Maltija. Mistoqsi jekk dan hux se jkun ippubblikat, il-Prim Ministru wieġeb li hemm kawża fil-Qorti u fiż-żmien opportun ikun hemm l-iskrutinju meħtieġ.