Minn preżentazzjoni tal-Gvernatur tal-Bank Ċentrali jirriżulta li għall-ewwel darba, is-self tal-banek lokali għall-investiment naqas u l-akbar tnaqqis hu fis-settur tal-manifattura u fil-bejgħ mill-ħwienet. Dan qed jirriżulta minn nuqqas ta’ aptit għal investiment minħabba nuqqas ta’ fiduċja mill-investituri.
Il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista għall-Ħidma tal-Parlament Mario de Marco tkellem dwar dak li qal il-Gvernatur tal-Bank Ċentrali, waqt konferenza tal-aħbarijiet quddiem il-Bank fil-Belt. Hu kien akkumpanjat mill-kandidati tal-PN għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew Therese Comodini Cachia u Jonathan Shaw.
Mario de Marco fakkar li s-sena l-oħra Malta kellha tnaqqis ta’ 20% fl-esportazzjoni, li hi l-ogħla rata ta’ tnaqqis fl-UE, u kellha wkoll tnaqqis qawwi fil-produzzjoni industrijali. Il-bejgħ mill-ħwienet naqas bi 15%, li jfisser it-tieni l-akbar tnaqqis fl-UE. Il-Vici Kap tal-PN qal li dan kollu qed iwassal biex tikber ir-rata ta’ nies bla xogħol. Għalhekk, hu appella biex pajjiżna jkollu ekonomija aktar diversifikata u biex il-Gvern jiffoka wkoll fuq il-manifattura u fuq ir-retail.
Akar kmieni din il-ġimgħa, il-Kamra tal-Kummerċ, l-Intrapriża u l-Industrija, fi stqarrija b’referenza għal dak li qal il-Gvernatur tal-Bank Ċentrali Josef Bonnici, qalet li taqbel mat-tħassib tiegħu dwar il-livelli dejjem jonqsu ta’ self. Il-Kamra qalet li kuntrarju għall-konklużjonijiet simplistiċi li ssemmew fl-aħħar ġimgħat, hi konvinta li t-tnaqqis fit-talba għal self għan-negozju mhuwiex marbut mar-rati tal-interessi.
Il-Kamra tal-Kummerċ qalet li filwaqt li l-banek lokali qed ikollhom talba qawwija għal self minn negozji żgħar u medji, it-talba għal self minn negozji akbar naqset minħabba l-inċertezza u n-nuqqas ta’ aptit għal investiment.
//= $special ?>