Elezzjoni Parlament Ewropew 2014 Lokali

Ritratti: Il-PN b’ilment mal-Kummissjoni Elettorali għax anzjani qed jiġu nfluwenzati biex jivvutaw lil-Labour

Qabel l-aħħar elezzjoni, il-Partit Laburista wiegħed li jwassal il-mediċini b’xejn lill-anzjani fid-djar jew ir-residenzi fejn jgħixu. Imma sena wara l-elezzjoni, hekk kif waslet l-elezzjoni tal-Parlament Ewropew, minflok mediċini lill-anzjani fid-djar u r-residenzi fejn jinsabu rikoverati l-Partit Laburista qed iwasslilhom il-propaganda tiegħu biex jivvutawlu fl-elezzjoni għall-Parlament Ewropew.

Fl-aħħar sigħat il-Partit Nazzjonalista, permezz tal-Uffiċċju Elettorali tiegħu (ELCOM), ilmenta formalment mal-Kummissjoni Elettorali wara li ġie nfurmat li pazjenti li jiffurmaw parti mill-Active Aging Unit fl-Isptar San Vinċenz de Paul qed jiġu nfluwenzati min-nurses u l-carers tagħhom biex is-Sibt li ġej l-anzjani f’din ir-Residenza jivvutaw lill-Partit Laburista. Il-votazzjoni f’San Vinċenz se ssir is-Sibt li ġej, ġimgħa qabel l-24 ta’ Mejju.

F’ittra uffiċjali mibgħuta lill-Avukat Ray Zammit, il-membru tal-Kummissjoni Elettorali li jippresiedi s-Sotto-Kumitat tal-Kummissjoni responsabbli mill-votazzjoni fid-Djar u l-Isptarijiet tal-Anzjani, l-ELCOM qal li ma jistax jifhem kif kumbinazzjoni fl-aħħar ġimgħatejn l-attivitajiet f’din il-unit żdiedu mhux ħażin. Il-PN qal li hu ċar li dan qed isir bi skop speċifiku u apparti biż-żieda fl-attivitajiet, l-anzjani qed jippruvaw jinfluwenzawhom b’kull mod, fosthom bil-kulur tal-ilbies b’mod partikolari l-brieret (ritratti), biex jivvutaw Labour.

L-ELCOM, fl-ilment tiegħu mibgħut ukoll lill-Kummissjonarju Elettorali Ewlieni Joseph Church, talab li jittieħdu l-passi meħtieġa skont il-Liġi biex dan l-abbuż jitwaqqaf u qal li dan hu aġir kundanabbli, kif ukoll li numru ta’ anzjani jinsabu maħkumin minn biża’ kbira minħabba f’din l-imġieba. Il-PN qal li hu nfurmat li f’din il-biċċa xogħol hemm imdaħħal Ronnie Zaffarese (biċ-ċirku fir-ritratt), li dakinhar tal-elezzjoni se jkun ir-rappreżentant tal-Partit Laburista f’San Vinċenz.

Minbarra talba biex issir investigazzjoni u jittieħdu passi skont il-Liġi, l-ELCOM appella biex kulħadd jitħalla jeżerċita d-dritt tal-vot tiegħu b’mod ħieles, kif suppost. Ir-residenti f’San Vinċenz li se jivvutaw għall-Parlament Ewropew jammontaw għal ftit anqas minn 1,000.

Anzjani SVPR Influwenzati Jivvutaw Labour Ilment