Għawdex Lokali

Sejba ta’ kannabis miżrugħa f’central strips u roundabouts f’Għawdex

Il-Pulizija qed tinvestiga sejba kbira ta’ droga kannabis f’numru ta’ central strips u roundabouts f’Għawdex. Is-sejba saret it-Tnejn li għadda mill-ħaddiema tal-Environment Landscape Consortium (ELC) u mhux mill-Pulizija. Il-ħaddiema tal-ELC kienu qed jaghmlu xogħol ta’ rutina f’dawn is-central strips. Il-Pulizija ma kinitx f’pożizzjoni tikkonferma l-lokalitajet li fihom instabet id-droga, għalkemm MaltaRightNow.com jisab infurmat li d-droga nstabet kemm fir-Rabat Għawdex, kif ukoll fil-lokalitajiet ta’ Marsalforn, ix-Xewkija u anke Għajnsielem.

Skont l-informazzjoni li għandna, kollox beda meta l-ħaddiema tal-ELC bdew jagħmlu x-xoghol li ssoltu jagħmlu fuq dawn is-central strips u r-roundabouts. Kien hawn li bdew jissuspettaw li wħud mill-pjanti li kien hemm ma kienux pjanti normali, iżda pjanti tal-kannabis. Kien għalhekk li ssejħet il-Pulizija, fejn irrizulta li f’dawn is-central strips instabu mijiet ta’ pjanti tal-kannabis. Il-Pulizija ma kinitx f’pożizzjoni tgħidilna lanqas kemm kien l-ammont ta’ droga li nstabet. Madankollu, kkonfermat li l-ammont hu wieħed sostanzjali. Skont l-informazzjoni li għandna, uħud mill-pjanti kienu saħansitra twal 10ċm.

Is-sejba tad-droga saret f’sitt u roundabouts fl-erba’ lokalitajiet Għawdxin. Malli l-Pulizija sabet u kkonfermat li dawn il-pjanti kienu tal-kannabis, issejħu fil-post esperti, li ħadu aktar minn 200 pjanta biex jeżaminawhom u jaraw x’inhi l-oriġini tagħhom. Il-Maġistrat tal-għassa Paul Coppini, li qed imexxi l-Inkjesta, ordna li l-kumplament tal-pjanti jinqerdu. S’issa għadhom ma ġew arrestati l-ebda persuni b’rabta ma’ dan il-każ u mhux magħruf x’kien l-iskop li l-kannabis tinżera fil-ħamrija tas-central strips u r-roundabouts f’Għawdex minflok f’post privat.