Elezzjoni Parlament Ewropew 2014 Lokali

Sensiela ta’ mistoqsijiet dwar il-kuntratti li l-Gvern iffirma minn wara dahar il-poplu

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil għamel sensiela ta’ mistoqsijiet lil Gvern dwar il-kuntratt li iffirma minn wara dahar il-poplu Malti mal-kumpanija ElectroGas dwar il-power station tal-gass, u dwar il-kuntratt mal-kumpanija Henley & Partners, dwar il-bejgħ taċ-ċittadinanza Maltija

Hu kien qed jitkellem waqt attivita` dwar l-analizi tal-kampanja elettorali mal-kandidati għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew, f’San Pawl il-Baħar. Din kienet attivita` oħra tal-kampanja elettorali tal-Partit Nazzjonalista bit-tema Malta aħjar.

Simon Busuttil saħaq dwar il-ħtieġa li l-Gvern jippubbika dawn il-kuntratti f’ġieħ it-trasparenza.

Hu fakkar ukoll li fil-Parlament l-Oppożizzjoni talbet “ruling” mingħand l-Ispeaker biex il-kuntratt ma Henley & Partners ikun ippubblikat u qal li l-Oppożizzjoni tistenna ruling favur it-trasparenza kif jixraq f’demokrazija.

Dwar is-settur pubbliku Simon Busuttil qal li l-PN juri solidarjeta` mal-ħaddiema li qed ikunu trattati ħażin bi transfers u diskriminazzjoni. Hu wissa lil kapijiet tagħhom biex ma jittrattawx lil ħaddiema ħażin u l-Partit Nazzjonalista se jzommhom responsabbli.

Simon Busuttil għamel appell qawwi kemm lil Laburisti ġenwini li kienu ittraduti mill-Gvern għax ma jaqblux mal-bejgħ taċ-ċittadinanza, mat-tanker tal-gass fil-bajja ta’ Marsaxlokk u mal-mod kif Cyrus Engerer kien deskritt bħala eroj u suldat tal-azzar mill-Prim Ministru Joseph Muscat, kif ukoll lin-nazzjonalisti biex fl-elezzjoni tal-Parlament Ewropew jivvutaw u jibagħtu messaġġ lil Gvern.

Is-Segretarju Ġenerali tal-PN, Chris Said, fakkar li l-privatizzazzjoni tal-Enemalta, il-bejgħ taċ-ċittadinanza u t-tanker tal-gass fil-bajja ta’ Marsaxlokk, ma ssemmew qatt fil-programm elettorali tal-Partit Laburista. Hu qal li l-PN mill-Oppożizzjoni qed jaħdem biex ikollna Malta aħjar u qed joħroġ bi proposti kostruttivi. Chris Said sellem ukoll il-memorja tal-Avukat George Cutajar li ta’ sehmu fil-Partit Nazzjonalista b’mod altruwista.

Il-Perit Michael Falzon qal li fil-każ ta’ Cyrus Engerer, il-Prim Ministru Joseph Muscat ma żammx il-valuri morali għoljin meta qiesu bħala eroj u suldat tal-azzar, li kienet lixka għal Laburisti, minħabba n-nuqqas ta’ popolarita` mal-Laburisti ġenwini. Michael Falzon qal li jekk il-Gvern irid jimxi b’mod trasparenti, għandu jippubblika l-kuntratti ma Electrogas u ma Henley & Partners u ma jżomm xejn moħbi mill-poplu.