Hemm rabja kbira lejn il-Prim Ministru Tork Tayyip Erdogan minħabba r-reazzjoni dgħajfa tiegħu għat-traġedja fil-minjiera f’Soma. Issa l-vittmi jqarrbu l-290 persuna u l-indikazzjonijiet huma li n-numru se jkompli jikber, hekk kif qed tkompli l-ħidma ta’ salvataġġ. Fis-sigħat li għaddew ħadd minn dawk li nħarġu ma nstab ħaj, filwaqt li hu stmat li hemm 150 ħaddiem li għadhom ma nstabux.
It-traġedja sehhet it-Tlieta filgħaxija wara splużjoni u n-nar li kkawżat għadu qed jaqbad. Ħafna mill-imwiet kienu kkawżati minn avvelenament mid-dħaħen. Ilbieraħ il-karrozza ta’ Erdogan kienet attakkata mill-folla wara li mar jżur il-post f’Soma, filwaqt li f’Istanbul u Ankara kien hemm protesti kbar fit-toroq li nbidlu fi vjolenza.
//= $special ?>

