Lokali Qorti

Alfred Sant kien żbaljat meta kiteb li Dolores Cristina u Brian Magro huma korrotti

L-eks Mexxej tal-Partit Laburista u llum kandidat għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropej Alfred Sant għamel dikjarazzjoni fil-Qorti, fejn tenna li kien żbaljat meta kiteb f’gazzetta tal-GWU li l-eks Ministru Dolores Cristina u Brian Magro, li kien il-Kap tas-Segretarjat Privat tagħha huma responsabbli għall-korruzzjoni fil-Ministeru.

Dolores Cristina rebħet il-libell kontra Alfred Sant, fl-appell quddiem l-Imħallef Gino Camilleri, hekk kif l-avukat Pawlu Lia għan-nom ta’ Alfred Sant, għamel dikjarazzjoni li kien żbaljat. Din l-allegazzjoni kienet saret fil-konfront ta’ Dolores Cristina, dak iż-żmien Ministru għall-Familja u s-Solidarjetà Soċjali, u ta’ Brian Magro, Kap tas-Segretarjat Privat, li kien il-persuna responsabbli għas-Segretarjat Privat kollu tal-Ministru Cristina.

Fir-Rikors, li kien ippreżentat kontra Alfred Sant, dak iż-żmien Kap tal-Oppożizzjoni. Cristina u Magro kienu għamlu dan minħabba artiklu li deher fil-ħarġa ta’ It-Torċa tal-1 ta’ Lulju 2007, li kien intitolat “Ħosba ta’ Tixħim” u kien iffirmat mill-Kap tal-Oppożizzjoni nnifsu. Fl-artiklu, Sant allega li hemm it-tixħim fis-Segretarjat Privat tal-Ministru Cristina, akkuża li kkonfermat li kienet infondata u bla bażi li kemm il-Ministru kif ukoll Brian Magro dejjem ċaħdu kategorikament.

Il-Ministeru kien aċċenna għall-fatt li hu ta’ dispjaċir li l-Kap tal-Oppożizzjoni, minflok faħħar il-passi li kienu ttieħdu mill-Ministeru kontra allegazzjonijiet ta’ abbuż fl-għoti tal-pensjoni għall-invalidità, ipprefera li jħammeġ nies li mhumiex implikati fil-każ. Dan aktar u aktar wara li dak iż-żmien il-Ministru Cristina u membri tas-Segretarjat Privat tagħha kienu għaddew informazzjoni li waslet għandhom dwar allegat abbuż lill-Pulizija. B’riżultat ta’ dan, kienet tressqet persuna quddiem il-Qorti tal-Maġistrati.

Għal Cristina u Brian Magro deher l-avukat Joe Zammit Maempel, filwaqt li għal Alfred Sant deher l-avukat Pawlu Lia.