Internazzjonali

Allarm dwar id-drittijiet umani fir-reġjuni tal-Lvant

In-Nazzjonijiet Uniti wissiet dwar sitwazzjoni allarmanti fir-reġjuni Ukreni tal-Lvant fejn ‘qed jonqos dejjem aktar ir-rispett għad-drittijiet umani’.

L-istess reġjuni, fl-aħħar ġimgħat, inbidlu f’ħuġġieġa ta’ inkwiet u tensjoni, bi gruppi ta’ separatisti li jappoġġjaw lir-Russja qed jiġġieldu kontra l-qawwiet tas-sigurta ta’ Kiev bl-iskop li ma jiffurmawx aktar parti mill-Ukrajna.

Intant in-NU irreferiet ‘għall-persekuzzjoni serja’ tal-membri tal-komunita tat-Tatari etniċi fil-Krimea: il-penisola li sa ftit ilu kienet ikkontrollata minn Kiev u li issa spiċċat inkorporata mar-Russja.

Navi Pillay, il-Kap tan-NU inkarigata mill-ħarsien tad-Drittijiet Umani, qalet li ‘kulmin għandu l-influwenza fuq il-gruppi armati li qed iwettqu l-parti kbira tal-vjolenza (fl-Ukrajna tal-Lvant) għandu d-dmir li jrażżan lill-elementi aggressivi li huma determinati biex ikissru l-pajjiż’.
Dan waqt li r-rapport tan-NU jiddettalja l-każi tal-anarkija li żdiedu fl-artijiet Ukreni tal-Lvant u n-Nofsinhar – fejn, fost oħrajn, jissemmew it-theddid u l-attakki fuq il-ġurnalisti u l-osservaturi internazzjonali.