Elezzjoni Parlament Ewropew 2014 Lokali Saħħa

Appell biex il-Gvern jispjega t-tneħħija ta’ Dolores Gauci – Helga Ellul

Il-Gvern għandu jispjega t-tneħħija ta’ Dolores Gauci mill-kariga li kellha bħala Chief Operating Officer tas-Servizzi tas-Saħħa Mentali fil-Komunità. L-appell sar mill-kandidata tal-Partit Nazzjonalista għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew Helga Ellul, li fissret il-ħatra li kienet ngħatat Gauci bħala waħda professjonali u mhux politika.

Minħabba li Dolores Gauci ħadmet daqstant f’dan is-settur ta’ mportanza għall-poplu kollu, il-pubbliku għandu jingħata din l-ispjegazzjoni, sostniet Ellul. Gauci kienet ukoll parti mir-raġuni għalfejn illum nistgħu nitkellmu dwar is-saħħa mentali b’daqstant libertà, wara li sa ftit ta’ snin ilu dan is-settur kien meqjus bħala tabù.

Il-kandidata tal-PN spjegat li flimkien ma’ Dolores Gauci, hi nnifisha kienet bdiet programm għall-impjegati fil-fabbrika Playmobil, li grazzi għalih it-tmexxija u l-ħaddiema tal-fabbrika setgħu jittrattaw aħjar sitwazzjonijiet differenti b’mod aktar professjonali. Ellul qalet li hi xhud tal-abbiltajiet u l-esperjenza li Gauci tgawdi minn dan is-settur u hu għalhekk li hi meqjusa bħala ‘awtorità’ fil-qasam.

Filwaqt li sostniet l-appell tagħha lill-Gvern biex jikkunsidra mill-ġdid il-pożizzjoni tiegħu, Helga Ellul qalet li żball bħal dan tqabblu ma’ kowċ tal-futbol li għażel li jħalli wieħed mill-aqwa plejer fuq il-bank tas-sostituti.