Futbol Sport

Arsenal iridu jtemmu disa’ snin mingħajr unur filwaqt li Hull City għall-ewwel darba fil-finali

Arsenal għandhom l-opportunita` li jtemmu disa’ snin ta’ qsim il-qalb meta s-Sibt fis-6 p.m. jiltaqgħu kontra Hull City fil-final tal-FA Cup f’Wembley. Arsene Wenger m’għandux għalfejn ifakkar lill-plejers tiegħu li ilhom ma jirbħu unur sa minn meta rebħu din il-kompetizzjoni fis-sena 2005 u li minn dakinhar sal-lum kien kritikat bil-qawwi talli naqas li jikseb suċċess.

Plejers bħal Pires, Vieira u Bergkamp kienu fit-tim ta’ Arsenal li kien għeleb lil Manchester United bil-penalties f’Cardiff, imma r-repsonsabbilta` issa hi f’idejn plejers bħal Aaron Ramsey, Jack Wilshere u Olivier Giroud biex jagħmlu l-ewwel pass ħalli jirbħu dak li rebħu dawn il-plejers leġġenda. Rebħa tagħmilhom ħamsa s-suċċessi fl-FA Cup għal Wenger u tara lil Arsenal jilħqu r-rekord ta’ United għall-aktar rebħ ta’ din it-tazza, 11-il darba. Imma l-Franċiż kien kawt meta tkellem dwar din il-finali.

“Ikun xi jkun ir-riżultat, dan il-klabb – u dan hu dejjem l-aktar fattur importanti – kapaċi jiffaċċja l-konsegwenzi ta’ kwalunkwe logħba. L-importanti hu li noħorġu minn din il-logħba nħossuna li tajna l-aħjar tagħna u kulma kellna biex nirbħu. Dan hu li rridu niksbu.”

Wenger qla li jkun xi jkun ir-riżultat mhux se jiddeċiedi l-futur tiegħu dwar jekk jiffirmax kuntratt ġdid jew le.

Wenger esprima l-ħsieb li jixtieq jibqa’ mal-klabb imma għadu ma ffirmax kuntratt ġdid wara li ilu jmexxi l-Gunners mill-1996.

“Ir-riżultat tal-final mhux se jinfluwenza l-futur tiegħi ma’ Arsenal. Ilni 18-il sena ma’ dan il-klabb u jkun redikolu li nibbaża l-futur tiegħi fuq logħba waħda.”

Il-manager ta’ Hull Steve Bruce għandu pedigree personali fl-FA Cup wara li rebaħha tliet darbiet bħala plejer ma’ United imma għad irid jitla’ l-famuż taraġ ta’ Wembley bħala manager.

Din se tkun l-ewwel dehra ta’ Hull City fil-finali tal-FA Cup u Bruce ammetta li kienet diffiċli biex iżomm atmosfera normali fil-preparazzjoni għal-logħba.

“Ippruvajna nżommu l-affarijiet normali imma wieħed malajr jinduna li mhux sitwazzjoni normali. Meta tħares lejn il-plejers jitħarrġu tinduna li mhumiex normali. Għall-ewwel darba fi tliet ġimgħat hemm qabża kbira fil-pass tal-plejers kif għandu jkun. Meta tkun għadek tibda l-karriera, tkun ma’ min tkun, il-ħolma tiegħek hi li tilgħab final tal-FA Cup.”

M’hemmx dubju li Arsenal kelhom l-aktar triq iebsa biex waslu sal-finali. It-tim mill-Emirates Stadium elimina lil Tottenham, Liverpool, Everton u l-holders Wigan Athletic waqt li l-uniku avversarju mill-Premier li kellhom Hull City kien Sunderland fil-kwarti tal-finali.

Imma Arsenal għandhom memorji koroh tat-telfa 2-1 fil-final tal-League Cup kontra t-tim relegat ta’ Birmingham City.

“Irbaħna kontra timijiet kbar tal-Premier biex wasalna s’hawn. Dan il-grupp jimmeritah jirbaħ il-final imma l-plejers iridu jagħmlu l-aħħar pass. Ħafna drabi hu l-aktar pass diffiċli u l-aktar importanti,” qal Wenger.

Hull se jkunu mingħajr l-attakkant Shane Long u Nikica Jalavic li ma jistgħux jilagħbu fil-kompetizzjoni wara li kienu trasferiti f’Jannar fil-KC Stadium. Barra dan numru ta’ plejers oħra imnportanti, fosthom Allan McGregor, Paul McShane u Sone Aluko, għadhom kemm irkupraw minn injury.