Internazzjonali

Attakki terroristiċi f’suq ta’ Nairobi

Talanqas għaxar persuni tilfu ħajjithom, b’għexieren oħra jisfaw midruba, wara li żewġ splużjonijiet ħallew ħerba sħiħa fis-suq ta’ Gikomba, fil-belt kapitali Nairobi.

Filwaqt li ma ngħatawx dettalji dwar l-isplużjonijiet, hu minnu li l-Kenja, fl-aħħar snin, saret mira għal attakki terroristiċi ta’ dan it-tip – bil-kaġun kważi dejjem ikunu l-militanti Iżlamiċi mal-grupp Al-Shabab, li ġejjin mis-Somalja.

L-aħħar rapporti qalu li l-kumpanniji tal-vjaġġi fir-Renju Unit issospendew it-titjiriet lejn Mombasa, it-tieni l-akbar belt tal-Kenja. Dan meta mijiet ta’ turisti Britanniċi spiċċaw evakwati miz-zona ta’ Mombasa (magħrufa għar-resorts maġenb il-kosta), fost it-twissijiet dwar ‘l-attakki imminenti’.

L-ewwel splużjoni talbieraħ seħħet ġo minibus u bit-tieni waħda twettaq straġi kbira qalb is-suq fl-apert ta’ Gikomba. Ma damux biex jaslu fuq il-post konvoj ta’ ambulanzi u fire-engines, bil-membri tal-Organizzazzjoni tas-Salib l-Aħmar jieħdu ħsieb l-għexieren tal-midruba madwar medda ta’ art sostanzjali.

Il-President tal-Kenja, Uhuru Kenyatta, aktar tard, wiegħed li jikkumbatti ‘lit-terroriżmu malinn’ u, waqt konferenza tal-aħbarijiet, ħeġġeġ biex id-dinja kollha tingħaqad fi ġlieda effettiva kontra l-awturi ta’ dawn l-attakki kodardi.

L-attakki f’Nairobi seħħew wara li r-Renju Unit, Franza u l-Istati Uniti ġibdu l-attenzjoni għall-potenzjal għoli tat-terroriżmu fil-Kenja – b’numru kbir ta’ Kenjani jesprimu l-frustrazzjoni għas-sitwazzjoni mwiegħra tas-sigurta f’pajjiżhom.