Futbol Sport

Bayern jimmiraw għad-‘Double’

Fl-istadium Olimpiku ta’ Berlin, is-Sibt se tintlagħab il-finali tat-Tazza Ġermaniża bejn ir-rivali Bayern Munich u Borussia Dortmund.

Dan l-istaġun Bayern u Dortmund iltaqgħu tliet darbiet. F’Lulju Dortmund kienu għelbu lil Bayern 4-2 fil-finali tas-Super Cup Ġermaniża filwaqt li miż-żewġ konfronti tal-kampjonat ħadu rebħa kull wieħed. F’Novembru t-tim ta’ Guardiola kien ġab fix-xejn lil Dortmund meta rebaħlu 3-0 iżda f’April, Dortmund pattew għal dik it-telfa għax fil-Bavarja rebħu 3-0 wara li Bayern kienu diġa` dikjaratu Champions u kellhom lill-gowlkiper Manuel Neuer nieqes u floku ddebutta ż-żagħżugħ Lukas Raeder. Ġimgħa ilu Bayern u Dortmund temmew l-impenji fil-kampjonat b’rebħiet kontra Stuttgart u Hertha Berlin rispettivament.

Matul dan l-istaġun Bayern kienu fi klassi għalihom u rebħu l-kampjonat fi żmien rekord meta kien għad fadal seba’ partiti għat-tmiem. Imma minn meta ġew inkurunati champions, Bayern ma baqgħux jesprimu l-logħob magħrufin għalih u saħanistra mhux biss kienu eliminati, iżda anke umiljati fis-semifinali taċ-Champions League meta tilfu 5-0 aggregate kontra Real Madrid. Il-kowċ Guardiola, wara li rebaħ għall-ewwel darba fil-karriera tiegħu l-Bundesliga issa jittama li jirbaħ it-tazza domestika Ġermaniża.

Staġun ilu Bayern rebħu din it-tazza meta fil-finali għelbu lil Stuttgart 3-2. Din is-sena, biex waslu sal-finali Bayern eliminaw lil Kaiserslautern 5-1 filwaqt li Dortmund rebħu 2-0 fis-semifinali kontra Wolfsburg.

Bayern, li hu l-aktar tim li qatt rebaħ din it-tazza, se jkun qed ifittex li jirbaħha għas-16-il darba filwaqt li Dortmund se jkunu qed ifittxu li jirbħuha għar-raba’ darba. L-aħħar darba li Dortmund rebħu din it-tazza kien fl-2012 meta dakinhar, fil-finali kienu għelbu lill-istess Bayern 5-2.

Attenzjoni speċjali se tingħata lill-attakkant ta’ Dortmund Robert Lewandowski li se jkun qed jilbes il-flokk isfar għall-aħħar darba qabel ma jingħaqad proprju maċ-champions Bayern. Ġeneralment, ir-rebbieħ ta’ din il-kompetizzjoni jikkwalifika għall-Europa League iżda minħabba li Bayern u Dormtund diġa’ ikkwalifikaw għaċ-Champions League, se jkun it-tim li spiċċa fis-seba’ post fil-Bundesliga Mainz li jikkseb post fl-Europa League.