Elezzjoni Parlament Ewropew 2014 Lokali

Filmat: Skont Tony Zarb, artiklu bil-fatti hu “ħdura kontra l-GWU”

Għas-Segretarju Ġenerali tal-GWU Tony Zarb, artiklu fuq il-ġurnal In-Nazzjon li jispjega fid-dettall kemm-il kariga qed igawdu minnha Uffiċjali u eks Uffiċjali tal-GWU taħt dan il-Gvern, turi l-ħdura lejn il-GWU. MaltaRightNow.com staqsa lil Tony Zarb jekk jaħsibx li 18-il kariga jew ħatra lil 11-il Uffiċjal jew eks Uffiċjal tal-GWU turi nuqqas ta’ meritokrazija mill-Gvern. Segwi l-ewwel parti tal-filmat biex tara t-tweġiba ta’ Tony Zarb.

Il-kummenti ta’ Tony Zarb waslu wara konferenza tal-aħbarijiet, li matulha ħabbar dettalji dwar union ġdida tal-Pulizija, li se tkun awtonoma iżda taħdem fi ħdan il-GWU stess. Hu tkellem ukoll dwar miżuri li l-GWU lesta tieħu bħala simpatija lejn il-membri tal-Korp. Qal li l-Union li jmexxi kapaċi tagħti s-servizz ta’ azzjonijiet b’simpatija, li mhux bilfors jinkludu l-għeluq tat-toroq bħala azzjoni industrijali.

Xtaqna nistaqsu wkoll lil Tony Zarb dwar jekk jaħsibx li dawn il-ħatriet għal tal-qalba juru li l-GWU hi Union privileġġjata għal dan il-Gvern. Qabel l-elezzjoni ġenerali li għaddiet, Tony Zarb kien tkellem dwar it-tama tiegħu li fil-Gvern jitla’ partit li jirrispetta lill-GWU (it-tieni parti tal-filmat). Elenku li ppubblika l-Partit Nazzjonalista fl-aħħar sigħat (ritratt isfel) dwar kif tal-familja tal-Labour u tal-GWU qed ikomplu jiffangaw, juru li l-aktar Uffiċjal tal-GWU li qed igawdi ma’ dan il-Gvern hu l-Kap tal-Uffiċċju Legali tal-GWU Aaron Mifsud Bonnici, li mill-Gvern Laburista ggwadanja minn erba’ ħatriet.

Il-lista tal-Uffiċjali u eks Uffiċjali oħrajn tal-GWU li qed igawdu f’Malta Taghna Lkoll tinkludi lill-eks Deputat Segretarju Ġenerali Mario Cutajar, l-eks Kap ta’ Taqsima tal-GWU Ronnie Pellegrini, l-eks Kontrollur Finanzjarju Stephen McCharty u l-eks President James Pearsall, li kollha qed jieklu minn żewġt iħluq. Hemm ukoll l-eks Kap ta’ Taqsima oħra tal-GWU Cory Greenland, l-eks Presidenti Victor Carachi u Helen Mallia, l-eks Editur tal-ġurnal tal-GWU Frans Ghirxi, kif ukoll l-eks Deputati Segretarju Ġenerali Gejtu Mercieca u Michael Parnis, li wkoll ingħataw ħatra kull wieħed minn dan il-Gvern f’xi Bord jew Kumitat.

Agħfas fuq l-istampa biex taraha f’verżjoni akbar:
GWU Tal-Qalba Jiffangaw Poster