Elezzjoni Parlament Ewropew 2014 Lokali

Għandhom jibdew diskussjonijiet biex titwettaq politika komuni fl-immigrazzjoni – AD

L-Alternattiva Demokratika ssostni li issa li l-politika tal-Gvern u l-Oppożizzjoni resqet viċin ħafna ta’ xulxin fejn għandu x’jaqsam mal-problema tal-immigrazzjoni rregolari, għandhom jibdew diskussjonijiet biex titwettaq politika komuni f’dan is-settur. L-immigrazzjoni rregolari kienet is-suġġett ta’ konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-kandidati tal-AD għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew Arnold Cassola u Carmel Cacopardo quddiem iċ-Ċentru Miftuħ fil-Marsa.

Il-kelliema tal-AD trattaw iż-żewġ proposti li qed jagħmlu l-Ħodor Ewropej u esprimew sodisfazzjon li Jean Claude Junker u Martin Schulz qablu magħhom għalkemm ma nkludewhomx fil-Programm Elettorali tagħhom għall-Presidenza tal-Kummissjoni Ewropea. Il-proposti tal-AD huma li l-immigranti japplikaw għall-visa għal-liema pajjiż iridu qabel dawn jitilqu minn pajjiżhom. Din il-visa tkun trattata mill-pajjiż li jirċievi, janalizza u jiddeċiedi jekk l-immigrant ikunx aċċettat jew le fl-Ewropa. Skont l-AD, din il-proposta tnaqqas il-vjaġġi klandestini.

Proposta oħra tal-AD hi li l-immigranti li japplikaw għall-ażil fil-pajjiż fejn jaslu ma jkunux obbligati li jibqgħu f’dak il-pajjiż sakemm ikun hemm deċiżjoni, iżda jitħallew imorru fl-Ewropa Ċentrali. Arnold Cassola qal li Malta m’għamlet l-ebda kisba ġdida fl-aħħar perjodu mill-Unjoni Ewropea, iżda l-imwiet li seħħew fil-Mediterran wasslu biex l-immigrazzjoni tpoġġiet ‘il fuq fl-aġenda tal-UE.