Qorti

Ħu l-anzjana mirduma jingħata kumpens ta’ €1,559, binha ma jieħu xejn

Raġel li kien qed jgħix m’oħtu u neputi tiegħu f’dar li kienet iġġarrfet minħabba xogħol ta’ kostruzzjoni f’dar biswit tagħha ngħata kumpens ta’ €1,559 għall-għamara li tilef u l-ispiża li daħal fiha peress li ma setax jgħix aktar fid-dar.

Pero, iben il-vittma, li wkoll talab għal kumpens ma ngħata xejn wara li l-Imħallef ikkonkluda li ma kienx ippreżenta provi. Il-każ kien seħħ fit-12 ta’ April tas-sena 2000, għall-ħabta tas-1.05 pm, fi Triq il-Katidral f’Tas-Sliema.

Dak il-ħin kien qed isir xogħol fil-binja ta’ Lino u Angele Stafrace mill-kuntrattur Raymond Micallef f’ismu u f’isem il-kumpanija RC Construction Limited kif ukoll mill-kuntrattur l-ieħor involut fix-xogħol Raymond Calleja.

Waqt dan ix-xogħol, li kien qed isir taħt id-direzzjoni tal-Perit Philip Mifsud, iġġarrfet parti mid-dar li tmiss mal-post fejn kien qed isir l-iżvilupp.

Fid-dar kienu jgħixu Rita Vella, binha Joseph u ħuha Anthony Mifsud. Vella, li kellha 84 sena, tilfet ħajjitha f’dan l-inċident. Fl-2012 iż-żewġ kuntratturi kienu nstabu ħatja mill-Maġistrat Miriam Hayman u ġew ikkundannati jagħtu €4,000 kull wieħed lit-tifel tal-vittma, deċiżjoni li ġabet rabja mill-familja tagħha għax ħassew li ma kinitx piena ħarxa biżżejjed.

Mifsud u Vella wara bdew proċeduri fil-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili kontra ż-żewġ kuntratturi, il-koppja Stafrace u l-Perit Azzopardi fejn talabha żżommhom responsabbli għad-danni li sofra u tordnalhom jagħtuh kumpens.

Il-kawżi nstemgħu quddiem l-Imħallef Ellul fejn dan ikkonkluda li l-koppja Stafrace ma kinitx responsabbli għall-inċident għax ma kienux huma li taw struzzjonijiet lill-kuntratturi b’mod differenti minn dak li tahom il-Perit Azzopardi.

L-Imħallef Ellul lanqas ma sab lill-Perit Azzopardi responsabbli għax ma kienx infurmat li se jibda t-tħaffir tant li kien miftiehem mal-kuntrattur biex jiltaqgħu fuq is-sit u meta mar it-tħaffir kien diġà sar.

Carmel Raymond Micallef u l-kumpanija tiegħu RC Construction Limited inżammu responsabbli għax waqt ix-xogħol ma żammewx id-distanza legali u ħaffru iktar milli kellhom jagħmlu waqt li Raymond Calleja nżamm responsabbli għax huwa wkoll ma mexiex mal-liġi fit-tħaffir.

Dwar il-kumpens li kellu jingħata lil Mifsud, l-Imħallef Ellul qal li dan kellu l-jedd li jitlob lura s-somma ta’ Lm240 għall-akkomodazzjoni ta’ 15-il jum.

L-Imħallef Elluf ikkunsidra wkoll li fix-xiehda tiegħu Mifsud semma li fid-dar t’oħtu kellu għamara li kienet tiegħu kif ukoll għamara li kienet tal-ġenituri tagħhom. Huwa ikkalkula d-danni għall-ħsara li saret f’dawn l-għamra fl-ammont ta’ €1,000.

Għaldaqstant huwa sab biss liż-żewġ kuntratturi responsabbli tad-danni li sofra Mifsud u ordnalhom biex bejniethom iħallsuh is-somma ta’ €1,559.

Fil-każ ta’ Joseph Vella, l-Imħallef irrimarka li dan ma ressaq ebda provi dwar id-danni li allegatament sofra u għalhekk ma jistax jilqalhu t-talba. Huwa kompla jgħid li kieku ried Vella kellu biżżejjed żmien biex iressaq il-provi imma m’għamilx dan.