Lokali Qorti

Il-ġuri dwar il-hold-up fuq Anthony Zammit: Il-verdett mistenni s-Sibt wara li l-ġurati jibdew jiddeliberaw

Il-verdett fil-ġuri ta’ Kenneth Ellul ta’ 39 sena mill-Furjana u residenti Wied il-Għajn akkużat bil-“hold-up” tal-Professur Anthony Zammit li kien seħħ f’Awwissu ta’ sitt snin ilu fir-residenza tiegħu f’Ħaż-Żebbuġ mistenni s-Sibt wara li l-ġurati se jidħlu jiddeliberaw il-każ is-Sibt għall-ħabta tad-9.00 a.m.

Wara li tard il-Ħamis wara nofs inhar il-Prosekuzzjoni temmet ir-replika tagħha, ftit wara d-disa’ ta’ filgħodu d-difiża permezz tal-Avukat Josette Sultana kellha l-aħħar kelma bil-kontro-replika tagħha għad-difiża biex għall-ħabta tal-11.00 a.m. l-Imħallef beda l-indirizz tiegħu lill-ġurati, ndirizz li baqa sejjer sa ftit wara s-7.00 p.m.

Wara li temm l-indirizz twil tiegħu fejn l-Imħallef spjega fit-tul il-punti legali tal-każ lill-ġurati, kien deċiż mill-istess Qorti Kriminali li d-deliberazzjoni li għandu jwassal għall-verdett jibda s-Sibt filgħodu, minħabba li l-ġurati deheru ferm għajjenin.

Filwaqt li skont id-difiża l-Prosekuzzjoni ma rnexxielhiex tipprova l-każ tagħha l-aktar bix-xhieda tal-vittma nniffsu l-Professur Anthony Zammit fejn ingħad li dan spiċċa li kkritika persuni mediċi ta’ ċertu esperjenza u li wara li għaddew dawn is-snin kollha ix-xhieda tiegħu kienet aktar kkulurita, l-Prosekuzzjoni qed tgħid li l-Professur Zammit kien dejjem konsistenti.

Id-difiża tkellmet ukoll fuq is-senter isserrat li allegatament intuża fil-“hold-up” fejn qalet li mill-kampjuni li ttieħdu minn kullimkien, meta saru l-paraguni mal-akkużat ħareġ kollox fin-negattiv. Ingħad ukoll li x-xhieda ta’ wieħed mix-xhud prinċipali, Christopher Shepard mhijiex kredibbli għax dan bidel il-verżjoni tiegħu għal aktar minn darba.

Minn naħa tagħha l-Avukat Lara Lanfranco wissiet lill-ġurati biex ma jagħmlux li żball li jħalltu l-biki emozzjonali u ġenwin ma’ xi tip ta’ rextar minn naħa tal-vittma l-Professur Anthony Zammit. Hija qalet li minħabba dak li għadda minn għalih se jibqa’ jbati għal tul ħajtu kollha. Qalet li kien lejl tal-biża għall-Professur Zammit, li qatt ma bidel il-verżjoni, minkejja t-trawma kerha li għadda minnha.

Ellul qed jiġi akkużat ukoll li flimkien ma’ persuni oħra żamm armi tan-nar bla liċenzja tal-Kummissarju tal-Pulizja. Il-każ kien seħħ fil-lejl ta’ bejn il-11 u t-12 ta’ Awwissu tal-2008, meta dakinhar il-Professur Zammit kien safa vittma ta’ tliet kriminali li daħlu fir-residenza tiegħu f’Ħaż-Żebbuġ serquh u sawwtuh.

Ellul qed ikun mixli li fost oħrajn żamm lill-Professur Zammit kontra l-volontà tiegħu bil-ħsieb li jieħu xi flus. Ellul se jkun mixli wkoll b’serq bi vjolenza u li kkaġuna ġrieħi gravi fuq il-Professur Zammit.

Il-Prosekuzzjoni f’dan il-ġuri tmexxiet mill-Avukat Lara Lanfranco u Kevin Valletta f’isem l-Avukat Ġenerali, filwaqt li għall-akkużat deheret l-Avukat Josette Sultana.