Il-Gvern inqabad jigdeb dwar il-kuntratt li ffirma ma’ Henley & Partners fuq l-iskema ta’ bejgħ taċ-Ċittadinanza. B’din il-gidba, il-Gvern qed jagħmel ħiltu kollha biex dan il-kuntratt jibqa’ mistur. Dettalji dwar kif il-Gvern inqabad f’din il-gidba ngħataw f’konferenza tal-aħbarijiet quddiem il-Berġa ta’ Kastilja mill-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista għall-Ħidma tal-Partit Beppe Fenech Adami u mid-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi. Għall-konferenza tal-aħbarijiet attendew ukoll il-kandidati tal-PN għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew Kevin Plumpton u Ray Bugeja.
Beppe Fenech Adami spjega kif fl-aħħar laqgħa tal-Kumitat Parlamentari tal-Kontijiet Pubbliċi (PAC), il-Ministru tal-Ġustizzja Owen Bonnici qal li l-Gvern ma jistax jippubblika l-ftehim ma’ Henley & Partners minħabba li dan jinsab esebit f’kawża fil-Qorti u li hemm deċiżjoni tal-Qorti li żżomm milli dan il-ftehim ikun ippubblikat. Minbarra d-dikjarazzjoni tal-Ministru tal-Ġustizzja, anke l-Prim Ministru din il-ġimgħa ddikjara l-istess ħaġa.
Beppe Fenech Adami qal li mill-indaġni li għamlet l-Oppożizzjoni ma jirriżultax li hemm xi deċiżjoni tal-Qorti li żżomm milli l-kuntratt ikun ippubblikat. Il-Ministru Owen Bonnici nqabad jigdeb, sostna Beppe Fenech Adami, li spjega kif din hi t-tielet gidba tal-Gvern fl-aħħar granet. Dan wara li l-Prim Ministru l-ewwel qal li l-kuntratt mal-kumpanija Ċiniża dwar il-bini tal-Power Station għadu mhux iffirmat, biex ftit minuti wara biddel il-verżjoni għax induna li gideb u ammetta li kien iffirmat.
Gidba oħra din il-ġimgħa kienet meta l-Prim Ministru baqa’ jsostni li l-Power Station il-ġdida hi fabbrika tal-kanċer, filwaqt li stħarriġ juri li dan mhux minnu.
Min-naħa tiegħu, id-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi ta dettalji dwar dak li seħħ fil-PAC u qal li l-Ministru Bonnici dam 20 minuta sħaħ isostni l-gidba li hemm deċiżjoni tal-Qorti biex il-kuntratt ma jkunx ippubblikat. Minn dan il-kuntratt, il-kumpanija barranija Henley & Partners se ddaħħal €230 miljun. Il-ħabi f’dan il-każ hu aktar serju għax f’pajjiżi oħrajn, Henley & Partenrs kienet imsemmija b’rabta ma’ finanzjament ta’ kampanji elettorali ta’ partiti politiċi.
Quddiem dawn ir-rapporti, Beppe Fenech Adami nsista li l-Gvern għandu jispjega x’inhuma r-rabtiet bejn Henley & Partners u l-Prim Ministru u l-Partit Laburista. Mistoqsi dwar x’jista’ jagħmel il-Parlament quddiem din is-sitwazzjoni ta’ ħabi ta’ dokument daqstant importanti, Beppe Fenech Adami fakkar li l-Oppożizzjoni talbet ruling tal-iSpeaker għax temmen li l-Parlament għandu d-dritt jiskrutinja l-kuntratt ma’ din il-kumpanija barranija. Beppe Fenech Adami fakkar ukoll li l-Gvern qed jirrifjuta li jippubblika anke l-kuntratt dwar il-bini tal-Power Station il-ġdida.
//= $special ?>