Il-ħames kandidati li qed jikkontestaw għall-Presidenza tal-Kummissjoni Ewropea jaqblu li l-UE għandha tindirizza l-kriżi ekonomika bil-kapaċitajiet kollha tagħha u minbarra li tistabbilixxa b’urġenza politika waħda li tirrigwarda l-immigrazzjoni illegali.
L-impenji spikkaw waqt l-akbar dibattitu li qatt sar bejn ‘ir-rivali’ inkwistjoni u li xxandar dirett mill-Parlament Ewropew, fi Brussell, matul il-lejl tal-Ħamis. Fil-fatt, kien possibbli biex iċ-ċittadini kollha tal-Ewropa jsegwu dan id-dibattitu (li xxandar f’24 lingwa differenti) fuq 49 stazzjon tat-televiżjoni.
Il-kandidati inkwistjoni għall-Presidenza tal-Kummissjoni Ewropea huma Jean-Claude Juncker, tal-Partit Popolari Ewropew (PPE): Martin Schulz, tas-Soċjal Demokratiċi: Guy Verhofstadt, tal-Liberali (ALDE): Alexis Tsipras, tax-Xellug Ewropew, u l-Mexxejja tal-Ħodor, Ska Keller.
Intant, meta l-kandidati trattaw ‘il-livell baxx ta’ inklużjoni’ għall-votanti Ewropej fl-affarijiet li jikkonċernaw l-istituzzjonijiet tal-UE, kien hemm il-konsensus ġenerali dwar il-ħtieġa ta’ trasparenza fl-affarijiet relatati għall-Unjoni.
Dan meta l-votanti Ewropej huma mħassbin dwar il-miljuni ta’ nies mingħajr xogħol fid-diversi Stati tal-UE u meta hemm ukoll il-pjaga tal-evażjoni tat-taxxa.
Claude Juncker, l-eks-Prim Ministru tal-Lussemburgu, enfasizza li l-Unjoni Ewropea teħtieġ tiffissa ‘l-minimu tal-livelli soċjali għall-ħaddiema’ filwaqt li rrefera għall-flus – ‘ħafna biljuni’ – li setgħu kienu investiti aħjar.
Sadanittant, Guy Verhofstadt, l-eks-Prim Ministru tal-Belġju, qal li l-Ewropa għandha tagħmel aktar biex tgħin lir-refuġjati tas-Sirja, bi kliemu jintlaqa’ applawż kbir fis-sala.
Għall-ewwel darba, l-Mexxejja nazzjonali li jagħżlu l-President ġdid tal-Kummissjoni Ewropea suppost li ‘jieħdu kont’ tar-riżultati tal-elezzjonijiet tal-Ewropa li jsiru magħrufa fis-26 ta’ Mejju. Intant, hemm ukoll il-possibbilta li l-Mexxejja partikolari jiddeċiedu li ma jagħżlu lil xi ħadd fost dawn il-ħames kandidati.
Claude Juncker, Martin Schulz u Guy Verhofstadt huma kollha veterani tal-politika tal-UE, minbarra li jiffavorixxu integrazzjoni Ewropea akbar, fuq stil ‘federalista’.
Fl-istess ħin, stqarrija konġunta tal-EPP, is-Soċjal Demokratiċi u l-ALDE tgħid li l-President li jmiss tal-Kummissjoni Ewropea għandu jingħażel minn fost il-kandidati tal-gruppi tal-partiti rispettivi. Dan bl-iskop li l-UE ssir aktar demokratika u b’rispett għall-aspettativi taċ-ċittadin Ewropew.
//= $special ?>