Elezzjoni Parlament Ewropew 2014 Lokali

Il-Kumitati Amministrattivi qed jagħmlu xogħol siewi fil-komunità – Simon Busuttil

Minkejja limitazzjonijiet li jkollhom, il-Kumitati Amministrattivi jagħmlu xogħol siewi ħafna b’risq il-komunitajiet li jgħixu f’dawn il-hamlets. Dan qalu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil waqt żjara fil-Madliena, waħda mill-ħames żoni li fihom se ssir elezzjoni għall-Kumitat Amministrattiv fl-24 ta’ Mejju, fl-istess ġurnata tal-elezzjoni tal-Parlament Ewropew.

Inizjalment, kellhom isiru elezzjonijiet f’16-il Kumitat Amministrattiv, iżda fi 11-il lokalità ma ħarġux biżżejjed kandidati biex issir elezzjoni jew ħarġu kandidati daqs kemm kien hemm bżonn. Il-Kap tal-PN kien akkumpanjat minn uħud mill-kandidati tal-PN għall-elezzjonijiet tal-Kumitati Amministrattivi u anke mill-kandidati għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew Kevin Plumpton u Norman Vella.

Filwaqt li l-PN ħareġ 52 kandidat għal dawn il-Kumitati Amministrattivi, il-Partit Laburista ħareġ anqas min-nofs. Minbarra fil-Madliena, se jsiru elezzjonijiet fi Gwardamanġa, fil-Kappara, fis-Swatar u f’tal-Virtù.

Simon Busuttil fakkar li 40% tal-kandidati tal-PN huma nisa. Hu sellem u rringrazzja lill-membri tal-Kumitat uxxenti fil-Madliena u faħħar il-ħidma tagħhom b’risq il-lokalità. Fil-fatt, il-Kumitat Amministrattiv flimkien mal-Gvern Nazzjonalista rranġa kważi t-toroq kollha tal-lokalità li kellhom bżonn urġenti ta’ tiswija.

Il-Kumitat Amministrattiv għamel ukoll xogħol ta’ tindif u tisbiħ fiż-żona ta’ madwar il-Forti Madalena, li hu l-uniku wieħed fl-Ewropa li hu f’forma ta’ pentagonu. Il-Forti hu propjetà tal-Forzi Armati u bħalissa qed jintuża’ mis-St John Ambulance Rescue Corps. Il-Kap tal-PN ingħata spjegazzjoni ta’ proġett li qed jipproponu l-kandidati Nazzjonalisti għall-Madliena, li jinkorpora wkoll dan il-Forti: Heritage Trail madwar il-lokal kollu li jinkludi ż-żona tal-Fortizza.

Is-Sibt, 24 ta’ Mejju, votanti għall-Kumitati Amministrattivi jistgħu jivvutaw billi jippreżentaw biss Karta tal-Identità, kuntrarju għall-elezzjoni għall-MEPs, fejn hu meħtieġ id-Dokument tal-Vot.