Lokali

Il-PN hu favur id-dritt tal-assoċjazzjoni ta’ membri tal-Korpi Dixxiplinati

Il-Partit Nazzjonalista, sew mill-Gvern u anke issa mill-Oppożizzjoni, jaqbel li l-membri tal-Korpi Dixxiplinati għandu jkollhom id-dritt li jissieħbu f’unjin. Tant hu hekk li fl-2011 fil-Parlament kien ġie ppreżentat abbozz ta’ liġi li, fost oħrajn, kien jipprovdi li l-assoċjazzjonijiet tal-membri tal-Korpi Dixxiplinati jsiru huma stess unjins. Dan l-abbozz kien sab l-oppożizzjoni tal-Partit Laburista.

Saħaq dan il-Kelliem għall-Intern Jason Azzopardi. Hu qal li l-Partit Nazzjonalista żgur ma jaqbilx hu li tidħol il-politika partiġjana fl-implimentazzjoni ta’ dan id-dritt, li issa ħa tkun inevitabbli bil-proposta tal-Gvern li hi intiża biex tagħti vantaġġ lill-GWU fir-rappreżentanza tal-Korpi Dixxiplinati. Anke hawnhekk il-Prim Ministru qed jippreferi lil tal-qalba.

Li hu żgur hu li hemm ipokresija ċara fl-istqarrija tal-Ministru Mallia li qiegħed jgħid li jrid li l-Korpi Dixxiplinati jkollhom unjin, meta taħt it-tmexxija tiegħu diġà ngħataw ’l fuq minn 500 transfer fil-Korp tal-Pulizija biss.

Din l-ipokresija toħroġ ukoll meta wieħed iqis li sal-lum il-Ministru Mallia għadu qed iċaħħad lill-Ombudsman milli jinvestiga l-inġustizzji li wettaq l-istess Manuel Mallia.