Roberta Metsola qdiet ir-responsabbiltà tagħha bħala Membru Parlamentari Ewropew bl-aħjar mod. Il-poplu Malti jeħtieġ li jkollu l-aħjar rappreżentati biex jiddefendu d-drittijiet tieghu quddiem Gvern li jirrombla fuq il-poplu. Dan qalu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil waqt attività li saret ilbieraħ filghaxija fil-Barrakka ta’ Fuq bħala parti mill-kampanja tal-MEP Nazzjonalista Roberta Metsola għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew.
Matulha, kif għamlet matul din il-kampanja kollha, il-kandidata tal-PN Roberta Metsola kompliet tiltaqa’ ma’ aktar nies. Simon Busuttil fakkar li Roberta Metsola ġiet eletta biss sena ilu u ħadet post li hu kien ilu jokkupa għal disa’ snin, filwaqt li mliet ir-responsabbiltà li daħlet għaliha bl-aħjar mod.
Il-Kap tal-PN kompla li l-mira tal-Partit li jtella’ tliet MEPs mhix xi ħaġa ċerta u qal li l-poplu għandu l-opportunità li jagħżel Deputati mil-lista tal-PN li jirrappreżentawh bl-aħjar mod u fl-istess waqt jitkellem bil-vot tiegħu billi jivvota għall-kandidati tal-PN.
Matul l-attivita’ tkellem ukoll is-Segretarju Ġenerali tal-PN Chris Said, li ddeskriva lil Roberta Metsola bħala MEP li ħadmet b’abbiltà fl-interess tal-poplu Malti u Għawdxi. Hu żied li matul is-sena li ilha fil-Parlament Ewropew, Metsola għamlitilna unur.
Fid-diskors tagħha, Metsola qalet li matul din is-sena ħadmet biex tressaq fil-Parlament Ewropew dak li l-poplu Malti u Għawdxi kien qed iħoss u fl-istess ħin twassal dak li qed jiġi diskuss fil-Parlament għand in-nies, l-għaqdiet ta’ min iħaddem, il-ħaddiema u s-soċjetà ċivili. B’hekk, aktar nies ikomplu jgawdu mill-vantaggi tas-sħubija. Qalet li anke mill-Oppożizzjoni, il-PN qed ikun ta’ gid għal pajjiżna.
Żiedet tgħid li l-PN qed jippreżenta tim ta’ kandidat li konvinti mill-ġid tas-sħubija ta’ Malta fl-UE, filwaqt li l-Partit Laburista qed jippreżenta bħala star candidate tiegħu lill-eks Mexxej Laburista, li kien jgħid li l-Maltin imorru fil-Parlament Ewropew biex isaħħnu s-siggu.
Roberta Metsola appellat lil dawk preżenti biex f’dawn l-aħħar jiem qabel l-elezzjoni jaħdmu flimkien bl-energija kollha u jħeggu aktar nies jivvutaw lill-kandidati tal-PN.
//= $special ?>