L-inkwiet dwar is-sigurta wassal biex il-President tan-Niġerja, Goodluck Jonathan, iħassar żjara fil-belt ta’ Chibok fejn, ġimgħat ilu, l-militanti tal-grupp Boko Haram kienu nħatfu ‘l fuq minn 200 tfajla tal-iskola.
Id-deċiżjoni ttieħdet qabel Jonathan beda l-vjaġġ lejn Pariġi, fi Franza, biex jattendi konferenza rigward it-theddida tal-istess militanti. Il-konferenza ssir is-Sibt u għandhom jattendu, fost oħrajn, ir-rappreżentanti ta’ Benin, il-Kamerun, in-Niġer u Chad (il-ġirien tan-Niġerja), minbarra Uffiċjali tal-Istati Uniti, r-Renju Unit u l-Unjoni Ewropea.
Il-President Niġerjan qed jiffaċċja pressjoni kbira wara li l-Gvern tiegħu naqas milli jsalva lit-tfajliet maħtufa, bl-osservaturi jgħidu li d-deċiżjoni ta’ Jonathan biex ma jmurx fl-inħawi ta’ Chibok tindika kemm hi fraġli s-sitwazzjoni tas-sigurta fir-reġjuni tan-Niġerja lejn il-Grigal.
Il-qraba tat-tfajliet maħtufa qed jinsistu biex il-militanti ta’ Boko Haram jeħilsu lill-għeżież tagħhom ‘mingħajr kundizzjonijiet’ u fost rapporti li l-President Jonathan warrab għal kwalunkwe negozjati mal-militanti.
Il-maġġoranza tat-tfajliet inkwistjoni kienu ilhom ma jidhru mindu nħatfu mill-iskola ta’ Chibok, f’nofs-April – iżda Boko Haram, jiem ilu, ħareġ video li juri madwar mija fost dawn it-tfajliet ġo lokalita sigrieta. Intant, il-militanti offrew li jsir skambju bejn it-tfajliet u wħud minn sħabhom li qed jinżammu priġuniera fin-Niġerja, bil-President Jonathan ‘jagħlaq il-bieb’ għal din il-possibbilta.
//= $special ?>

