Lokali

Ir-‘Roadmap’ tal-Gvern fi proġetti infrastrutturali tinkludi biss żewġ proġetti

Fl-isfond tal-proġett ippjanat mill-Gvern Nazzjonalista għall-estensjoni ta’ Triq il-Kosta, minn St Andrew’s sa Buġibba, il-Ministru Joe Mizzi jsemmi r-Roadmap li għandu l-Gvern fi proġetti infrastrutturali ġodda tat-toroq. B’kollox hemm tnejn, jiġifieri l-proġett tal-Junction tal-Marsa u l-pont fuq il-Bypass tal-Imrieħel biex in-nies jaqsmu t-triq. Dan filwaqt li l-Gvern qed ikompli diversi proġetti mibdija minn Gvern Nazzjonalista.

F’konferenza tal-aħbarijiet fi Triq il-Kosta fis-Salini, il-Ministru Joe Mizzi beda billi kkritika lill-Gvern Nazzjonalista għal dak li sejjaħlu nuqqas ta’ viżjoni u organizzazzjoni fit-toroq f’Malta. Min-naħa l-oħra, skont il-Ministru Mizzi, il-pajjiż qatt ma ra attività kbira fis-settur tat-toroq daqs din l-ewwel sena ta’ Gvern Laburista. Il-Ministru Mizzi qal li l-Gvern Laburista qed idaħħal kunċetti ġodda fil-proġetti, fosthom dak li jkun hemm karreġġjati għaċ-ċiklisti. Lill-ġurnalisti, Joe Mizzi qalilhom ukoll li l-Gvern Laburista qed jirnexxielu jikkonvinċi lill-Unjoni Ewropea dwar il-fondi propji għax se jdaħħal dawn il-kunċetti ġodda.

Joe Mizzi qal ukoll li l-UE issa hi konxja li l-problemi ta’ konġestjoni fit-toroq hi wkoll problema tagħha. Bħala eżempju, il-Ministru Mizzi semma’ l-każ ta’ meta vettura ħabtet ma’ żiemel fil-Marsa u nħolqot konġestjoni kbira ta’ traffiku. Mizzi qal li l-UE ma stennietx li Malta se toħroġ b’dawn il-kunċetti ġodda, fosthom il-karreġġjati għar-roti fil-proġett li se jsir fil-Marsa. Ippressat biex jiżvela xi proġetti oħrajn se jwettaq Gvern Laburista fit-toroq f’dawn il-ħames snin, Joe Mizzi reġa’ rrefera għar-Roadmap u qal li għandu pjan. Madankollu, bħala dettalji semma’ biss il-proġett fil-Marsa, li se jiwsa €80 miljun u biex jibda għadhom iridu jinġiebu fondi Ewropej, u dak tal-pont fl-Imriehel.

Joe Mizzi qal ukoll li l-Gvern Laburista beda jaħdem mill-ewwel fuq il-proġett ta’ Bormla u ta’ Triq San Lawrenz fil-Birgu.