Futbol Sport

Is-Sibt jintrebaħ il-Kampjonat Spanjol bejn Barcelona u Atletico

Bejn is-Sibt u l-Ħadd jintemm u jiġi deċiż il-kampjonat Spanjol li kien kemmxejn differenti għaliex ma kienux biss Barcelona u Real Madrid li ssieltu għar-rebħ tat-titlu imma anke Atletico Madrid, li issorprendew lil kulħadd u jinsabu anke fil-finali taċ-Champions League. Is-Sibt tintlagħab il-partita li se tiddeċiedi min se jirbaħ il-kampjonat bejn Barcelona u Atletico Madrid fil-Camp Nou.

Attwalment Atletico għandhom tliet punti vantaġġ fuq il-Katalani u draw ikun biżżejjed għalihom biex jirbħu l-liga imma żgur li kontra t-tim ta’ Martino, Atletico ma jridux joħorġu jilagħbu għad-draw.

Jekk Barcelona jegħlbu lil Atletico jilħquhom fil-quċċata bl-istess ammont ta’ punti u jkunu Barcelona li jirbħu l-kampjonat minħabba l-konfronti diretti bejn iż-żewġ timijiet dan l-istaġun. Fl-ewwel rawnd f’Madrid, il-logħba bejniethom kienet intemmet 0-0. Barcelona qed jittamaw li jirbħu l-kampjonat għat-23 darba fl-istorja tagħhom filwaqt li Atletico se jippruvaw jirbħu l-La Liga għall-10 darba.

Issa Atletico għandhom ċans jirbħu l-kampjonat għall-ewwel darba sa mill-1996 iżda tul dawn l-aħħar ġimgħat setgħu aċċertaw mit-titlu imma naqsu milli jirbħu konfronti importanti.
Ħmistax ilu Atletico tilfu kontra Levante l-ġimgħa l-oħra ġew draw kontra Malaga.

Ironikament, fid-darbtejn li Atletico naqsu milli jirbħu, l-istess għamlu l-eqreb rivali tagħhom Real u Barcelona. Barcelona ġew draw kontra Getafe u Elche filwaqt li Real fallew tliet darbiet. Wara li ġew miżmuma fil-Bernabeu minn Valencia, ġew draw kontra Valladolid u tilfu kontra Celta Vigo.

It-tim ta’ Carlo Ancelotti, finalista fiċ-Champions League proprju kontra Atletico, jinsab ħames punti taħt l-istess Atletico u matematikament barra mill-ġlieda għar-rebħ tat-titlu.

Għal Barcelona dan hu l-aħħar ċans li jirbħu unur din is-sena wara li tilfu fil-finali tat-Tazza tar-Re kontra Real u wara li sfaw eliminati miċ-Champions League mill-istess Atletico. Din is-sena kienet negattiva għal Lionel Messi u sħabu. Tul dawn l-aħħar xhur Barcelona tilfu lill-gowlkiper Victor Valdes li weġġa’ serjament l-irkoppa, l-eks kowċ tgħhom Tito Vilanova miet wara li tilef il-battalja kontra l-kanċer filwaqt li t-tim għadu qed jistenna deċiżjoni finali dwar piena li ingħata mill-FIFA fejn minħabba irregolaritajiet fi trasferiment fuq livell ta’ youths, ġew ordnati ma jakkwistax plejers tul żewġ perjodi tas-suq ta’ trasferimenti.

Atletico se jkolhom biċċa xogħol iebsa għax sitt ijiem wara l-logħba kontra Barcelona dawn iridu jilagħbu fil-finali taċ-Champions League f’Lisbona kontra Real. Dan ifisser li fi spazju ta’ ftit jiem it-tim ta’ Simeone jista’ jikseb ‘Double’ storiku jew inkella jitlef kollox fl-aħħar naqra.

Minbarra li lagħbu kontra xulxin fil-kampjonat u fiċ-Champions League, dan l-istaġun Atletico u Barcelona iltaqgħu fis-sajf li għadda fil-finali tas-Super Cup Spanjola milgħuba fuq żewġ legs u mirbuħa minn Barcelona.

Interessanti l-fatt li dan l-istaġun Atletico Madrid hu l-aktar tim li żamm cleansheets, 20 logħba li fihom ma qalax gowl.

Il-kowċ ta’ Atletico Madrid Simeone, qal li issa t-tim tirid jilgħab żewġ finali u mhux biss iċ-Champions League kontra Real.

“Għamilna kollox biex nirbħu kontra Malaga u l-affarijiet ma ġewx kif xtaqna. Issa se nilagħbu finali fejn kull tim għandu l-istess ċans li jirbaħ. L-avversarji li se nilagħbu kontrihom huma imdorrijin jilagħbu partiti ta’ dan it-tip. Biex wasalna s’hawn għamilna sforz kbir u nittamaw li niksbu dak li ilna nixtiequ fi grawnd diffiċli,” qal Simeone.

S’issa għadu mhux ċert il-fatt jekk l-attakkant Diego Costa hux se jkun f’kundizzjoni tajba li jilgħab. Costa weġġa’ l-hamstring waqt it-taħriġ u ma lgħabx kontra Malaga. Il-midfielder ta’ Barcelona Andres Iniesta ammetta li jekk jegħlbu lil Atletico Madrid u jirbħu l-kampjonat, dan l-istaġun xorta jibqa’ negattiv. “Jekk nirbħu l-kampjonat fl-aħħar ġurnata ma jfissirx li nkunu għamilna staġun nilagħbu tajjeb. Jekk nirbħu nkunu temmejna staġun bl-aqwa mod u nsellmu lill-kowċ Martino li tant ħadem għalina. Għandna ċans nirbħu l-kampjonat quddiem il-partitarji tagħna u se nagħtu l-massimu. Il-fatt li se nilagħbu fil-Camp Nou se jgħina ħafna.”

Jissieltu biex isalvaw
Filwaqt li Barcelona u Real se jkunu qed jissieltu biex jirbħu l-kampjonat, ħames timijiet oħra se jkunu qed jissieltu biex isalvaw posthom fl-ogħla diviżjoni. Filwaqt li Real Betis qegħdin fl-aħħar post, hemm tliet punti jifirdu t-timijiet li qegħdin bejn il-15 u d-19-il post.

Osasuna, fit-18-il post b’36 punt jilagħbu kontra Real Betis filwaqt li Almeria u Getafe jafu li bi draw kontra Athletic Bilbao u Ray Vallecano rispettivament, isalvaw posthom. Granada, fis-17-il post b’38 punt isalvaw jekk jiġu minn tal-anqas draw kontra Real Valladolid, irrispettivament mir-riżultat li jkunu kisbu Osasuna. Biex isalvaw Osasuna,iridu jirbħu kontra Real Betis u jittamaw f’telfa ta’ xi ħadd bejn Granada u Getafe. Biex isalvaw, Valladolid iridu jirbħu kontra Granada u jittamaw li Osasuna ma jirbħux kontra Real Betis jew inkella li Getafe jitilfu kontra Vallecano.

Intant illum ukoll Real Madrid itemmu l-impenji bil-partita kontra Espanyol fejn il-kowċ ta’ Real Carlo Ancelotti mistenni jserraħ il-maġġoranza tal-plejers ħalli jkunu friski għall-finali taċ-Champions League.