Ekonomija

Is-swieq finanzjarji Ewropej jiddgħajfu fl-aħħar jiem

Bosta swieq finanzjarji Ewropej raw tnaqqis fl-aħħar jiem, hekk kif ħarġu diversi aħbarijiet negattivi dwar it-tkabbir tal-ekonomiji Ewropej. L-esportazzjoni mill-pajjiżi taż-Żona Ewro qed tkompli tonqos. Is-settur tal-industrija mhux qed jikber kemm mixtieq fil-pajjiżi Ewropej, speċjalment fi Franza u l-Italja. Dan wassal biex is-swieq irreaġixxew b’mod negattiv u l-ishma ta’ diversi kumpaniji niżlu fil-valur.

Mhux l-istess jista’ jingħad għall-bonds, li komplew fil-livelli b’saħħithom li issa ilhom fihom diversi xhur. Il-biza’ ta’ nuqqas ta’ tkabbir tal-ekonomiji fiż-Żona Ewro qed joħloq inċertezza u ħafna investituri qed iżommu lura minn ċerti deċiżjonijiet.

Il-munita ewro kompliet tiddgħajjef fl-aħħar jiem meta mqabbla ma’ diversi muniti oħra, bħad-Dollaru Awstraljan u dak Amerikan. L-ewro tinsab fl-anqas livelli tagħha għal dawn l-aħħar tliet xhur. Ir-riżultat tal-elezzjoni fl-Indja wkoll wassal biex il-munita Indjana, magħrufa bħala Indian Rupee, żiedet fil-valur. Din l-elezzjoni tista’ tagħti stimulu ġdid lill-ekonomija ta’ dan il-pajjiż ġgant. Matul il-ġurnata tal-lum, l-Indiċi tal-Borża tal-Indja laħaq livelli rekord.

L-inċident li seħħ f’minjiera fit-Turkija wkoll ħalla effett fuq is-swieq, bil-prezz tal-ishma ta’ bosta minjieri jonqos b’aktar minn 2% fl-aħħar jiem.

L-aktar Indiċi fl-Ewropa li marru tajjeb s’issa, matul din is-sena, kienu dawk tad-Danimarka u n-Norveġja. L-Indiċi li naqsu fil-valur tagħhom fl-Ewropa matul din is-sena s’issa huma dawk tal-Awstrija, il-Greċja u l-Olanda. Is-swieq Ġermaniżi u Ingliżi, li huma l-aktar popolari mal-investituri, raw biss żieda ta’ 1% matul din is-sena. Dan hu baxx ħafna meta mqabbel mal-istess perjodu tas-sena li għaddiet.

Il-kumpanija King Digital Entertainment Plc, li ħolqot il-logħba popolari “Candy Crush”, ħarġet ishma ftit ġimgħat ilu, li raw tnaqqis ta’ kważi 30% fil-valur tagħhom. Fl-aħħar xahrejn, l-ishma ta’ Facebook raw tnaqqis ta’ 13%, wara li fl-ewwel xahrejn tas-sena kienu raw xi żidiet simili.

Dan l-artiklu hu miġjub lilkom minn MPM Capital Investments Ltd. | www.mpmci.net | tel: 21493250

L-informazzjoni u ħsibijiet inklużi fl-artiklu huma provduti għal skop ta’ edukazzjoni u informazzjoni biss u m’għandhomx jiġu kkunsidrati bħala parir ta’ investiment.