Internazzjonali

Jiċħdu dwar traskuraġni

Il-kumpanija li hi nkarigata mill-minjiera tal-faħam fejn seħħ id-diżastru li sewa l-ħajja ta’ 284 minatur ċaħdet għall-akkużi li t-traġedja, fl-inħawi ta’ Soma, setgħet kienet dovuta għal xi negliġenza min-naħa tagħha.

Ir-rappreżentanti ta’ Soma Holding tkellmu waqt konferenza tal-aħbarijiet biex jiddefendu ‘r-reazzjoni tagħhom għall-emerġenza’, u insistew li kienet ingħatat priorita assoluta lill-impenji biex isalvaw il-ħajja tal-ħaddiema taħt l-art.

Huma, mbagħad, irreferew għall-‘akkumulazzjoni tas-sħana’ li rriżultat mill-isplużjoni li seħħet fil-minjiera matul il-lejl tat-Tlieta u spjegaw li ‘l-kroll (tal-minjiera) kien dovut għal dan il-fattur speċifiku’.

It-traġedja inkwistjoni hi l-akbar waħda relattata mas-settur tal-minjieri fit-Turkija u qajjmet il-protesti kbar ta’ rabja fost ir-residenti ta’ diversi bliet.

Dan meta jaħsbu li fadal xi għoxrin ħaddiema maqbudin fil-mina, b’ħadd ma jaf jekk huma rnexxilhomx isalvaw b’ħajjithom. Intant, hu minnu li 363 minatur irnexxielhom jiżgiċċaw minn ħalq il-mewt waqt l-isplużjoni, b’122 minn sħabhom jisfaw midruba.

Id-diretturi ta’ Soma Holding ilkoll qed jinsistu li għadhom ma jafux x’wassal għall-isplużjoni u għall-kollass tal-minjiera – minbarra li jridu jagħmluha ċara li huma qatt ma wrew l-iċken element ta’ traskuraġni li seta’ kkontribwixxa għat-traġedja.